Il-prezzijiet taż-żejt waqgħu mill-ġdid minkejja li Ministri taż-Żejt minn tliet pajjiżi tal-OPEC – l-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Veneżwela — flimkien mar-Russja, qablu li jiffriżaw il-produzzjoni taż-żejt fuq il-livelli ta’ Jannar, dment li ħaddieħor jagħmel l-istess.
Din l-aħbar ħarġet wara li l-erba’ Ministri kienu ltaqgħu f’Doha, fil-Qatar.
Il-pass lejn l-iffriżar hu intiż li jappoġġja l-prezzijiet taż-żejt li naqsu b’mod drastiku f’dawn l-aħħar xhur, tant li niżlu b’madwar 70 fil-mija mill-‘massimu’ riċenti ta’ madwar $116 il-barmil, irreġistrat f’Ġunju tal-2014.
Madankollu, il-Brent crude, li hu indikatur importanti fil-qasam taż-żejt, reġa’ naqas għal madwar $32 il-barmil waqt li l-US crude ( indikatur ieħor) niżel bi 2.3 fil-mija (skont l-aħħar statistika) għal taħt it-$30 il-barmil.
It-tnaqqis regolari u konsistenti fil-prezz taż-żejt hu dovut, fost oħrajn, għal tnaqqis kbir fid-domanda, inkwiet dwar il-pronostiku ekonomiku globali u l-fatt li l-ħażniet taż-żejt, illum, ‘qegħdin jgħarrqu s-swieq internazzjonali’.
//= $special ?>