Internazzjonali

Ir-Russja tiċħad għal reati tal-gwerra fis-Sirja

Kelliema f’Moska qalu li r-Russja ċaħdet bis-sħiħ akkużi dwar reati tal-gwerra b’konnessjoni mal-bumbardamenti ta’ sptarijiet fis-Sirja. Il-kelliema fil-Kremlin qalu li kull min qed joħroġ b’dawn l-akkużi mhux kapaċi jappoġġjahom bil-provi jew bil-fatti.

Fil-bidu tal-ġimgħa nqatlu almenu 50 persuna waqt attakki bil-missili fuq numru ta’ skejjel u almenu erba’ sptarijiet fis-Sirja. L-inħawi milquta kienu f’zoni kkontrollati minn ribelli fit-Tramuntana tas-Sirja u n-Nazzjonijiet Uniti qalet li strateġiji militari li jesiġu l-attakki fuq faċilitajiet ċivili għandhom jitqiesu daqslikieku reat tal-gwerra.

Sorsi qrib il-Gvern Russu, fl-istess ħin, qalu li ‘l-uniċi provi li lesta taċċetta r-Russja għandhom jipprovduhom l-awtoritajiet Sirjani, u meta għalissa il-provi qed juru kontra dak li qed ikun allegat fil-konfront ta’ Moska’.

It-Turkija kienet fost diversi entitajiet li akkużaw lir-Russja dwar l-attakki fuq ċivili fis-Sirja. Dan waqt li uffiċjali f’Ankara qalu, issa, li ‘għandhom jappoġġjaw kampanja militari fl-artijiet Sirjani dment li jkunu involuti l-alleati internazzjonali tat-Turkija.’

Fi żviluppi oħra, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, Staffan de Mistura, għamel żjara sorpriża f’Damasku, il-kapitali tas-Sirja, fejn kellu taħditiet mal-Ministru Sirjan għall-Affarijiet Barranin Walid al-Muallem.

Aktar qabel, il-President Sirjan Bashar al-Assad qal li jkun diffiċli li wieħed, minn din il-ġimgħa, jimplimenta waqfien mill-ġlied fis-Sirja skont il-pjan li tressaq jiem ilu b’appoġġ internazzjonali.