Lokali

Joe Mizzi ma jweġibx dwar jekk l-operatur tat-trasport pubbliku hux qed jingħata prezzijiet speċjali għad-diesel

Fi stqarrija kollha attakki u xejn ġdid, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi injora għal kollox il-mistoqsija dwar jekk l-operatur tat-trasport pubbliku hux qed jingħata rati speċjali għax-xiri tad-diesel.

Minkejja li l-mistoqsija li għamlet ilbieraħ fil-Parlament ix-Shadow għat-Trasport Marthese Portelli kienet ċara, dwar jekk hux veru li l-operatur tat-trasport pubbliku qed jingħata rati speċjali biex jixtri d-diesel, Joe Mizzi qed jagħżel li ma jweġibx din il-mistoqsija.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex mhux iwieġeb, filwaqt li fakkar li l-operatur Spanjol diġà qed jingħata tliet darbiet aktar mill-operatur ta’ qablu f’sussidju mill-Gvern Malti. Fakkar ukoll li dan l-operatur intgħażel wara li l-istess Ministru Mizzi mar Spanja jinnegozja miegħu saħansitra qabel intgħażlet l-aħjar offerta.

Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja dan is-sussidju kollu, kulħadd jaf li s-servizz tat-trasport pubbliku taħt dan il-Gvern mar għall-agħar. Jekk Joe Mizzi jaħsibha mod ieħor ikun qed jgħix gidba u juri kemm hu maqtugħ mir-realtà, temmet tgħid l-istqarrija.