Internazzjonali

L-Istati Uniti u Kuba: :Lura għal traffiku tal-ajru kummerċjali għall-ewwel darba mill-1960

L-Istati Uniti u Kuba ffirmaw ftehim biex ikompli t-traffiku tal-ajru kummerċjali bejn il-pajjiżi għall-ewwel darba f’aktar minn 50 sena.

Għalkemm qed jitħaddmu diġà numru ta’ titjiriet charter bejn l-Istati Uniti u Kuba, il-ftehim ġdid jista’ jirriżulta f’massimu ta’ ‘110 titjiriet kuljum’ – jew ħames darbiet aktar mill-ammont attwali.

It-titjiriet jistgħu jibdew fil-ħarifa bħala l-aħħar fażi fl-impenn lejn ir-restawr tar-relazzjonijiet bejn Washington u Havana.

L-Istati Uniti, fl-1960, imponiet embargo kummerċjali għall-Kuba komunista, iżda fl-aħħar xhur tal-2014, il-President Amerikan Barack Obama u l-Mexxej Kuban Raul Castro ħabbru li kienu se jaħdmu b’risq ir-relazzjonijiet bilaterali wara daqstant snin ta’ ostilità reċiproka.

Fil-fatt, Kuba, f’Lulju li għadda, fetħet mill-ġdid l-ambaxxata f’Washington waqt li l-Istati Uniti fetħet l-ambaxxata tagħha f’Havana.