Il-Qorti ordnat lil Gaffarena biex ma jitrasferixix jew ibigħ il-propjetà li ngħata mill-Gvern Laburista. Dan il-Mandat inħareġ mill-Imħallef Joseph R. Micallef, li kien qed jisma’ l-kawża li fetħu l-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali kontra Marco Gaffarena u martu. Il-Qorti qalet li jeżistu l-elementi kollha biex ikun jista’ jinħareġ dan il-Mandat ta’ Inibizzjoni.
Il-Liġi tgħid li Mandat ta’ Inibizzjoni jista’ jintlaqa’ jekk is-somma involuta tkun taqbeż il-11,646 ewro, meta f’dan il-każ l-ammont mitlub mill-Gvern u l-Avukat Ġenerali jammonta għal aktar minn miljun u nofs ewro, bl-Imħallef Micallef jiddeċiedi li qed jilqa’ t-talba għal din ir-raġuni.
Gaffarena kien ingħata din il-propjetà bħala parti mid-deal ta’ Strada Zekka, li għal ħafna hu wieħed imdawwar b’korruzzjoni. Wara li l-Awditur Ġenerali sab li kien hemm kompliċità fil-mod ta’ kif sar id-deal jinten bejn il-Gvern u Gaffarena, Michael Falzon kien sfurzat jirriżenja minn Segretarju Parlamentari.
Barra minhekk, il-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kawża kontra d-Dipartiment tal-Artijiet, li jaqa’ direttament fil-portafoll tiegħu stess. Skont l-esperti legali, din il-mossa hi bla preċedent għax b’dan il-mod, Muscat fetaħ kawża kontra tiegħu stess.
Sadanittant, b’reazzjoni għal din id-deċiżjoni tal-Qorti, il-Partit Laburista qal li l-Qorti tat raġun lill-Prim Ministru.
Iżda l-Partit Nazzjonalista qal li l-Iskandlu Gaffarena nħema u ġie ppjanat kollu f’Kastilja, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bil-fatti jinsabu fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, li ddeskriva l-konfoffa li eżistiet bejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Gaffarena.
Jgħid x’jgħid il-Prim Ministru, kien il-Ministeru tiegħu li għamel lil Gaffarena miljunarju mil-lejl għan-nhar, qal il-Partit Nazzjonalista, li żied li minflok ikompli jagħmel farsa, Muscat aħjar iwieġeb jekk kienx jaf bl-iskandlu u anke jekk Gaffarena ħallasx lil xi ħadd biex ħa dak li ħa.
Muscat qed jgħix f’gidba u jippretendi li kulħadd jemmen il-gidba li qed jgħix, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>