Lokali

Mhux għaqli li wieħed jibqa’ għaddej bin-nomina – Giovanni Bonello

Mhux għaqli li wieħed jibqa’ għaddej bin-nomina għall-ħatra tal-Maġistrat meta l-affarijiet dwar il-validità tagħha għadhom mhux iċċarati.

Hekk stqarr l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello f’kumment li għamel waqt il-programm Reporter, li jixxandar fuq ix-Xandir tal-Istat, wara li feġġew dubji ġodda dwar il-ħatra tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat.

L-Imħallef Emeritus qal li l-Gvern jista’ jagħżel li, minkejja li jkun qed imur kontra dak li titlob il-Kostituzzjoni, jibqa’ għaddej bil-proċess biex Farrugia Frendo tinħatar Magistrat.

Min-naħa l-oħra, dwar kif għandhom isiru l-ħatriet tal-Ġudikatura, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet Abbozz ta’ Liġi li issa għadda mill-Ewwel Qari waqt is-Seduta Parlamentari tal-bieraħ filgħaxija.

Issa l-Oppożizzjoni qed tinsisti li d-Dibattitu Parlamentari dwar dan l-Abbozz isir b’mod immedjat.

L-Oppożizzjoni qed tisħaq ukoll li se tibqa’ tinsisti li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici ma jagħmlu l-ebda ħatra oħra fil-Ġudikatura sakemm tidħol fis-seħħ din il-bidla radikali fil-mod kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura.