Lokali Parlament

Mill-ekonomija b’saħħitha llum qed igawdu biss il-ftit

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

… fost il-ftit jispikkaw il-Partit Laburista, is-sidien tal-Cafè Premier u l-familja Gaffarena

Trid issir distinzjoni bejn ekonomija b’saħħitha li wiret dan il-Gvern li minnha kienu jgawdu ħafna, għal ekonomija llum li minnha qed igawdu l-ftit – il-Partit Laburista li ħa l-Australia Hall, is-sidien tal-Cafè Premier u l-familja Gaffarena.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, fil-Parlament elenka din id-differenza meta tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Estimi tal-Baġit, u li dan il-Gvern laqmu ‘Ekonomija b’Saħħitha’.

Beppe Fenech Adami enfasizza li llum hemm ekonomija li għadha miexja b’ritmu tajjeb għaliex ftit taż-żmien ilu kien hemm Gvern Nazzjonalista li żamm l-ekonomija tal-pajjiż miexja ‘l quddiem f’mument storiku tal-akbar riċessjoni mondjali fl-aħħar mitt sena.
Irrimarka li allaħares dan il-Gvern għamel żbalji li jkissru dik l-ekonomija b’saħħitha meta ċ-ċirkustanzi internazzjonali nbidlu tant li pajjiżi li kienu fi kriżi ekonomika bdew ukoll jirkupraw.

Daħal jiggverna b’€2.4 biljun fondi Ewropej x’jintefqu f’investimenti
Fakkar li dan hu Gvern li daħal jiggverna b’€2.4 biljun fondi Ewropej x’jintefqu f’investimenti f’dan il-pajjiż wara li ħa f’idejh pajjiż b’infrastruttura b’saħħitha, settur tat-turiżmu b’saħħtu, proġetti kbar fit-toroq b’fondi mill-UE, miżbliet f’Malta u f’Għawdex riabilitati, u investiment fil-power staton u fl-interconnector.

Dwar dan il-Gvern Laburista, Beppe Fenech Adami qal li għaddew tliet snin mill-wegħda ta’ Muscat li jirriżenja jekk ma jlestix il-power station fi żmien sentejn, u sena fuq il-wegħda tas-sentejn, il-Ministru għadu mhux lest jikkommetti ruħu dwar meta din il-power station se tkun lesta u taħdem kif wiegħed il-PL.

Beppe Fenech Adami fisser ukoll li meta l-Oppożizzjoni tiftaħar li tliet snin ilu ħalliet ekonomija b’saħħitha, kienet tifhem ukoll ekonomija li tgawdi minnha n-nies bħalma huma l-proġett ta’ Mater Dei, l-Isptar tal-Onkoloġija, skola ġdida kull sena għal ħames snin għat-tfal tal-familji, djar għall-anzjani u ċekkijiet lill-anzjani kull sena.

Nofs il-postijiet ġodda tax-xogħol jittieħdu mill-barranin għaliex il-pagi huma baxxi
Staqsa x’jiswa li jkollna Gvern li jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha, meta hemm waiting list ma tistpiċċa qatt biex anzjani jidħlu fi djar tal-gvern; nies jistennew mediċini li jiswew ħafna u jkollhom jittalbu għal diversi snin għand il-Malta Community Chest Fund bħalma hu fil-każ ta’ mard tal-kanċer; u meta hemm eluf ta’ nies li għadhom jaħdmu fil-prekarjat.

Hu nsult li jkollna Prim Ministru li jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha, meta nofs il-postijiet ġodda tax-xogħol qed jittieħdu mill-barranin għaliex il-pagi huma baxxi u miżeri.

Flok bena skola ġdida kull sena ta ż-Żonqor lill-barranin
Staqsa wkoll x’jiswa li jkollna Prim Ministru li jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha meta abbanduna l-programm tal-gvern ta’ qabel li jkompli jibni skola ġdida kull sena; u li flok bena skola għat-tfal tal-Maltin ta l-aqwa art fiż-Żonqor u sit f’Bormla lil barranin minn wara dahar il-poplu u l-Parlament biex tinbena skola għal tfal tas-sinjuri barranin. Gvern li tilef il-prjorità meta kien mehdi jinnegozja biss ma’ negozjant mill-Ġordan.

X’jiswa wkoll li jkollna ekonomija b’saħħitha u minnha ma jgawdix il-poplu għaliex il-Gvern jibqa’ jaddotta politika li ma jraħħasx il-petrol u d-diesel lill-konsumatur; meta s-sistema tat-trasport pubbliku li għaliha qed inħallsu t-tripplu qed tagħti servizz li hu agħar, u meta fil-pajjiż għandna traffiku esaġerat.

Kważi nofs miljun anqas f’sahra lill-Puliizja
Beppe Fenech Adami spjega wkoll kif l-istituzzjonijiet fil-pajjiż sejrin lura u li l-Gvern qata’ qalbu li jkattar il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, meta l-kriminalità qed tiżdied, il-Korp tal-Pulizija hu demoralizzat b’nuqqasijiet li qed iwasslu għal ġlidiet u kriminalità fit-toroq kull weekend; is-serq ikompli jiżdied b’mod allarmanti u tikber il-problema tat-tixrid ta’ droga u tal-ordni fil-pajjiż.

Staqsa wkoll x’jiswa wkoll li jkollna Gvern li jixxaħħaħ mal-Pulizija. Meta tqabblu s-snin tal-2014 u fl-2015, is-sahra bejn Marzu u Awwissu naqset b’aktar minn €443,000 – li jfisser 443,000 anqas fil-bwiet tal-Pulizija – kważi nofs miljun.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li dan hu Gvern li qed jixxaħħaħ mal-Pulizija u jara biss kif se jnaqqas l-ispiża biex il-pulizija ma jiħdux id-dar ħafna aktar mill-paga bażi tagħhom.

F’isem ir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Beppe Fenech Adami qal li jrid iwassal il-karba ta’ dawn ir-residenti u tal-familjari tagħhom li qed iwerżqu biex is-sitwazzjoni fil-ħabs ma tibqax ħażina kif inhi llum.

Semma li għad hemm kundizzjonijiet ta’ saħħa li qed imorru lura. Fisser li kellha tkun l-Oppożizzjoni li ġġib għall-interess tan-nies li fil-ħabs kien hemm l-influwenza li wasslet għall-mewt ta’ żewġ persuni, u dwar l-ilmenti wkoll fuq is-sistema medika għall-priġunieri kif kienu qed jiġu kkurati sa ftit tal-jiem ilu.

Frieket u skieken tal-plastik li jingħataw lill-priġunieri jerġgħu jintużaw

Ikkritika lill-Gvern li pprova jixxaħħaħ fil-kura medika tar-residenti fil-Faċilità Korrettiva. Semma li jisma’ stejjer dwar x’qed jiġri fil-ħabs meta frieket u skieken tal-plastik li jingħataw mal-ikel u li suppost jintremew, jerġgħu jintużaw ġurnata wara ġurnata.

Semma kif fiċ-ċellel hemm ilma mhux tajjeb għax-xorb; li mhux dejjem ikun hemm il-mediċini li għandhom bżonn, u li mediċina oħra minbarra l-panadol ikollha tinxtara mill-individwu. Dwar il-problema tad-droga fil-ħabs, qal li fl-aħħar sitta u seba’ xhur kien hemm sitt persuni li tilfu ħajjithom fil-kustodja tal-Pulizja. Semma li qabel it-tliet persuni li neħħew ħajjithom, kien hemm persuna li tilfet ħajjitha b’overdose.

Tliet snin wara l-bidla fil-Gvern, ikkritika Beppe Fenech Adami, fil-ħabs hemm problemi kbar biex ir-residenti jiġu riabilitati. “Irridu nemmnu li rridu ninvestu biex jiġu riabilitati dawk li jinsabu fil-ħabs. Jekk mhux se jsir dan, is-soċjetà se tibqa’ tħallas prezz għoli ħafna.”

Dan il-Gvern hu l-eżempju klassiku kif m’għandekx tmexxi pajjiż
Beppe Fenech Adami qal li dak li seħħ fit-tliet snin tal-Gvern, hu l-eżempju klassiku kif m’għandekx tmexxi pajjiż.
Sejjaħ bħala inġustizzja soċjali li jkollok ekonomija b’saħħitha jekk din l-ekonomija ma tintużax b’mod ġust. Semma l-mod skandaluż kif il-Gvern berbaq minn dak li ġġenerat l-ekonomija.

Fisser li l-ewwel nefqa straordinarja kienet fl-ikbar kabinett fl-istorja li diġà sofra minn diversi riżenji u llum ftit baqa’ mit-tim tal-ewwel Kabinett li se jkun sewa €100 miljun. Semma li fuq dan l-infiq m’hemmx limitu, b’Ministri jispiċċaw mill-karigi tagħhom u l-impjegati ta’ madwarhom jibqgħu mal-Gvern ukoll.

Beppe Fenech Adami qal iżda, li mill-ekonomija b’saħħitha qed igawdi l-Partit Laburista li ħataf taħt idejh b’€10 miljun il-proprjetà tal-Australia Hall, is-sidien tal-Cafè Premier li ngħataw €4.2 miljun biex iħallsu d-dejn tagħhom, il-familja Gaffarena li f’biċċa negozju għal nofs dar fi Triq Zekka fil-Belt il-poplu ħallas 43 tomna art – daqs 20 grawnd tal-futbol – u nofs miljun u dar f’Tas-Sliema.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li bil-PN fil-Gvern, mill-ekonomija b’saħħitha jgawdi minnha kulħadd u mhux kif qed isir illum li jgawdu minnha biss il-ftit.