Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tad-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Prof Kevin Aquilina, li kien jifforma parti mill-Kummissjoni Bonello, li qal li l-Ministru Owen Bonnici għandu jieħu l-każ tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, il-Ministru Owen Bonnici ma baqalu l-ebda għażla oħra ħlief li jagħmel dan.
Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Belt. Jason Azzopardi fakkar li anke lbieraħ kien hemm membri tal-Kummissjoni li qalu li biex jitneħħew id-dubji dwar l-eliġibbiltà ta’ Caroline Farrugia Frendo biex tinħatar Maġistrat, il-Ministru għandu jressaq dan il-każ quddiem il-Kummissjoni. Madankollu, Owen Bonnici qal li mhux se jressaq il-każ quddiem il-Kummissjoni għax l-esperti legali li tkellmu ma’ The Times kienu anonimi.
Jason Azzopardi sostna li anke l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello hu tal-istess fehma, tant li lbieraħ, waqt il-programm Reporter fuq l-Istazzjon tal-Istat, qal li “sakemm jiġu ċċarati d-diffikultajiet li tqajjmu fuq il-validità tan-nomina tagħha, ma jkunx għaqli li l-Gvern jibqa’ għaddej bin-nomina. Il-Gvern jista’ jibqa’ għaddej, iżda, jekk eventwalment, xi ħadd jikkontesta fil-Qrati li dik in-nomina hi falza u żbaljata, imbagħad ikollna pożizzjoni fejn Maġistrat li tkun diġà qed taħdem bħala Maġistrat, ix-xogħol tagħha jkun dikjarat li hu kontra l-Kostituzzjoni”.
Ix-Shadow Minister iddeskriva l-ebusija tar-ras tal-Ministru Owen Bonnici bħala arroganza għax meta kulħadd qed jgħidlu biex jieħu l-każ tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Owen Bonnici qed jibqa’ jinsisti li jagħmel ta’ rasu.
Fakkar kemm kien importanti li l-każ tal-Avukat Ingrid Zammit Young mar quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, hekk kif kienet il-Kummissjoni li waqqfet il-ħatra tagħha bħala Maġistrat għax kienet qed tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta. Staqsa x’qed iżomm lil Owen Bonnici milli jieħu l-każ ta’ Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni. “La skont hu ma hemm xejn ħażin, għalfejn qed iwebbes rasu?”, staqsa Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi sostna li hu fl-interess tal-Avukat Farrugia Frendo, tal-Ġustizzja u ta’ kulħadd li, fid-dawl tad-dubji dwar l-eliġibbiltà tal-Avukat Farrugia Frendo, il-ħatra tagħha bħala Maġistrat tkun approvata wkoll mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Hu tenna l-appell tal-Partit Nazzjonalista għas-sens komun biex ikun assigurat li ma tinkisirx il-Kostituzzjoni ta’ Malta, f’ġieħ is-sewwa u l-ġustizzja. Sostna li l-Partit Nazzjonalista jintrabat ma’ kull deċiżjoni li tista’ tagħti l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef sfida lill-Gvern biex jgħaddi għad-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni, li għandu jwassal għal bidla radikali fil-ħatriet tal-Ġudikatura b’mod immedjat. Hu fakkar li r-Rapport tal-Kummissjoni Bonello ilu fuq l-iskrivanija tal-Ministru Owen Bonnici 28 xahar (minn Novembru 2013), iżda l-Ministru Owen Bonnici għażel li jinjorah u ma jimplimentahx.
Aaron Micallef sostna li kuntrarjament għal dak li qed jallega l-Gvern, il-Private Member’s Bill tal-Oppożizzjoni tinkorpora flimkien il-proposti tal-Kummissjoni Bonello u tal-Kamra tal-Avukati, li jfisser li meta Owen Bonnici jgħid li qed jieħu dan l-Abbozz “with a pinch of salt”, qed iwaqqa’ għar-ridikolu l-proposti tal-Kummissjoni Bonello u tal-Kamra tal-Avukati.
Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern għandu jirtira b’mod immedjat kull ħatra fil-Ġudikatura u ma jagħmel l-ebda waħda qabel ma jgħaddi l-Abbozz ta’ Liġi li fih bidla radikali fil-mod kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura.
//= $special ?>