Dak li qabel kien eċċezzjoni f’xiri ta mediċina u apparat medku, qed isir ir-regola u dan qed iwassal għal prassi li hi dubjuża, jekk mhux korrotta.
Dan iddikjaratu fil-Parlament dalgħodu x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg li appellat lill-Gvern biex jiffoka b’serjetà fuq dak li qed jiġri fis-settur tas-saħħa għaliex sostniet li qed jaslulha messaġġi minn nies li qed jinkwetaw dwar il-mod kif qed joħorġu tenders fil-qasam tas-saħħa.
Claudette Buttigieg ikkritikat lill-Ministru għal Għawdex li kien għadu kif tkellem qabilha fil-Parlament, li ma jafx x’ġie negozjat dwar il-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Dan għaliex il-poteri lill-Ministru Refalo huma anqas minn dak ta’ Segretarju Parlamentari meta ittiħdulu setturi importanti minn taħt idejh. Staqsiet lill-Ministru Refalo jekk urewhx il-kuntratt ta’ Barts, li lanqas ma rawh il-poplu kollu Malti u Għawdxi.
Fissret li Barts mhux se jużaw lill-Isptar ta’ Għawdex iżda l-Isptar Mater Dei waqt li spjegat li ma tistax tinħoloq skola medika f’Għawdex għaliex m’hemmx biżżejjed pazjenti biex l-istudenti ta’ Barts jistudjaw fl-isptar t’Għawdex.
Dwar Għawdex ukoll, ix-Shadow Minister ikkritikat it-tul ta’ żmien li qed jittieħed biex titlesta t-triq tal-Qala li qalet se titniżżel fl-istorja bħala l-aktar triq li damet ma saret. Staqsiet lill-Gvern juri konkretament il-proġetti li għamel dan il-Gvern f’Għawdex.
Il-Gvern qed inaqqas mhux iżid in-nefqa fis-saħħa
Meta kompliet titkellemet dwar is-settur tas-saħħa, Claudett Buttigieg semmiet kif dan il-Gvern qed inaqqas jew mhux iżid in-nefqa tiegħu f’setturi importanti tas-saħħa. Semmiet li n-nefqa tnaqqset fis-sexual policy, fil-pjan nazzjonali dwar il-kanċer fejn għal din is-sena m;’emmx flus allokati, waqt li fil-kura għall-kanċer in-nefqa naqset b’€200,000.
Semmiet ukoll li dwar l-obesità u l-istrateġija biex tiġi indirizzata din l-isfida, hemm biss ivvutati €80,000 u dan qed isir għaliex kienet l-Oppoizzjoni li ressqet din il-materja ta’ importanza nazzjonali fil-kura u s-saħħa tal-poplu tagħna fil-Parlament.
Irriferiet ukoll għall-qasam tal-kura tas-saħħa mentali, li qalet li hi f’sitwazzjoni tal-biki bil-Gvern iħallih abbandunat bi tmexxija ta’ Monte Carmeli hi nkwetanti. Dan ġie wkoll elenkat fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li kkritika din it-tmexxija. Ikkritikat ukoll li għall- Crises Intervention Unit kien hemm ivvutati €75,000 u mhu jsir xejn dwar dan.
Qed tintlaqat ukoll in-nefqa għall-istrateġija nazzjonali għad-dimensja u l-istrateġija għad-dijabete. Fissret li t-€3 miljun li l-Gvern ta lil Gaffarena, setgħu ntużaw għall-qasam importanti tal-kura tad-dijabete u f’sena kienu jiddaħħlu l-mediċini kollha biex il-kura timxi pass sostanzjali ‘l quddiem u kien ikollna l-flus biżżejjed għal din il-kura.
Ix-Shadow Minister fissret ukoll li bil-flus li ngħataw lis-sidien tal-Cafè Premier, €4.2 miljun, kienu jiġu ffrankati l-miljuni li l-Community Chest Fund tagħti għall-kura tal-mard tal-kanċer u li tista’ tużahom f’setturi oħrajn li tixtiq taħdem fuqhom il-President.
Semmiet ukoll il-qasam importanti tar-riċerka fil-qasam mediku u l-kura f”pajjiżna, u qalet li l-esperti qed jokorbu għal flus meta l-Gvern isib flus għall-Gaffarena u Cafè Premier u ma jsibx fondi għar-riċerka.
L-arroganza splodiet u l-koruzzjoni qed titlef il-kontroll ta’ dan il-Gvern
Sejħet bħala bżar fl-għajnejn tal-Gvern li jgħid li qed jiġġieled il-prekarjat meta jinħarġu tenders li ma jiġġildux il-prekarjat. Ikkritikat kif l-arroganza tal-Gvern splodiet, u l-kompliċità li ġiet elenkata fir-rapport tal-Awditur Ġenerali fil-każ tal-iskandlu Gaffarena, waslet għall-koruzzjoni li qed titlef il-kontroll ta’ dan il-Gvern. Dan qed iħallsu għalih il-poplu, il-pazjenti, il-ħaddiema u dawk li qed jippruvaw itejbu ħajjithom għax waqt li hemm min qed jiffanga, ħaddieħor qed jittewweb u jmut bil-ġuħ.
Claudette Buttigieg ikkonkludiet li l-korruzzoni waslet biex il-Gvern mess il-qiegħ u issa qed iħaffer ħofra oħra aktar ‘l isfel.
//= $special ?>