Xjenzati fil-Brażil skoprew aktar provi li jorbtu l-virus taz-Zika ma’ difetti fit-twelid allarmanti.
Grupp ta’ xjenzati fl-Università ta’ PUC-Parana sabu dan il-virus fil-moħħ ta’ żewġt itrabi li ma damux ħajjin aktar minn 48 siegħa. Il-virus li jinġarr min-nemus u li fl-aħħar jiem infirex madwar l-Amerika Latina maħsub li jikkawża kundizzjoni magħrufa bħala microcephaly fit-trabi li jitwieldu b’moħħhom mhux żviluppat.
Intant, il-Brażil għandu madwar 460 każ ikkonfermat tal-microcephaly u, fil-preżent, qed jinvestiga eluf ta’ każi suspettati.
Il-Brażil hu fost l-aktar Stati Latini li ntlqatu ħażin mill-firxa tal-virus u x-xjenzati fl-Università ta’ PUC-Parana qalu li kampjuni li ttieħdu mit-tissue tal-moħħ taż-żewġt itrabi inkwistjoni wrew li l-virus taz-Zika kien ‘preżenti b’mod attiv’.
Ix-xjentisti inkwistjoni kienu qed isegwu l-kundizzjonijiet ta’ għaxar nisa tqal fl-Istat ta’ Paraiba, lejn il-Grigal tal-Brażil u li hu t-tieni l-aktar Stat li ġarrab l-inċidenza tal-microcephaly.
Osservaturi qalu li l-aħħar skoperti jżidu aktar provi mar-riżultati li, il-ġimgħa l-oħra, kienu tħabbru minn xjenzati fl-Istati Uniti u s-Slovenja. Dawn ix-xjenzati kienu indikaw il-virus taz-Zika f’kampjuni li ttieħdu minn trabi oħrajn bil-kundizzjoni tal-microcephaly.
L-aħħar rapporti qalu li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) issa appoġġjat provi li jinvolvu n-nemus suġġett għall-modifikazzjoni ġenetika u li jista’ jintuża fil-ġlieda kontra z-Zika. Il-WHO qalet, fi stqarrija, li qed tinkoraġġixxi l-pajjiżi affettwati miz-Zika biex ‘jistimolaw l-użu ta’ sistemi antiki u qodma għall-kontroll tan-nemus, bħala difiża immedjata’.
//= $special ?>