…għoli tal-ħajja, żieda miżera fil-paga u ħaddiema barranin f’Malta jitħallsu bil-ftit
Filwaqt li dan hu Gvern li qiegħed iħalli lil tal-qalba u lil dawk madwaru jiffangaw, is-sena li għaddiet kienet waħda ta’ għafsa għall-ħaddiema meta qalgħu tliet daqqiet – l-ogħla għoli tal-ħajja, żieda miżera fil-paga u ħaddiema barranin li qed jinġiebu f’Malta biex jitħallsu bil-ftit.
Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal dan meta tkellem dalgħodu fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit 2016.
Semma li l-kejl Ewropew tal-għoli tal-ħajja ilu xhur sħaħ juri li Malta għandha rata għolja ta’ għoli tal-ħajja. Il-Ministru tal-Finanzi qed iżomm apposta l-prezz għoli tal-fjuwil, u hu dan ir-raġuni li l-ħaddiema qed iħallsu għall-għoli tal-ħajja għaliex il-Gvern irid iżomm li l-prezz ma jirrriflettix il-waqgħa fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Dwar iż-żieda miżera fil-paga, Frederick Azzopardi qal li din kienet lanqas fl-aħħar 30 sena minn meta Gvern ukoll Laburista kien iffriża l-pagi.
Il-ħaddiema Ewropej gawdew żieda reali ta’ 2.1% fil-pagi waqt li f’Malta staġnat għax il-ħajja għoliet
Ċifri tal-Eurostat juru li l-ħaddiema Ewropej gawdew żieda reali ta’ 2.1% fil-pagi waqt li f’Malta staġnat għax il-ħajja għoliet aktar milli żdiedu l-pagi. Dawn iċ-ċifri jkomplu jikkonfermaw l-istatistika ppubblikata mal-Baġit fl-Economic Survey, u li turi li l-paga reali naqset mill-aħħar tal-2012. Min għandu pagi baxxi jagħmel il-biċċa l-kbira tan-nefqa fuq l-ikel , li l-istatistika wkoll turi li għola bi 3% fl-aħħar sena – id-doppju ta’ kemm għolew prodotti oħrajn.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dawn it-tliet daqqiet għall-ħaddiema jfissru li fl-2015, il-ħaddiema raw il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema jistaġna u jmur lura.
Semma li dan irrifletta wkoll f’Għawdex. L-esportazzjoni minn Għawdex naqset ukoll b’10%. Kien hemm ukoll żieda qawwija f’impjiegi mal-gvern, meta żdiedu 360 impjieg fl-aħħar tliet snin.
Il-kelliem għal Għawdex semma wkoll kif il-paga medja f’Għawdex niżlet b’€223 għal €15,005 – riżultat taċ-cheap labour li qed jinħoloq f’Għawdex. Dan jikuntrasta maż-żminijiet meta d-dinja kienet għaddejja minn kriżi ekonomika kbira, u l-paga medja f’Għawdex żdiedet b’€707.
Irrrimarka wkoll li meta mqabbla ma’ Malta, il-paga medja f’Għawdex hi ta’ €1,160 fis-sena anqas. Dan ifisser li Għawdxi jrid jaħdem 13-il xahar biex jaqla’ l-paga ta’ ħaddiema f’Malta f’sena.
Ikkritika lill-Gvern li fi tliet snin ma investiex ċenteżmu fil-Gozo Channel u l-profitt li ntqal li kien reġistrat hu għaliex dan il-Gvern m’għamel ebda investiment, sab investiment ta’ €100 miljun u għaliex il-prezz tal-fjuwil naqas sostanzjalment minn dak li kien fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, bil-Gvern ma jridx jgħid kemm kien l-ammont ta’ fjuwil li bih il-Gozo Channel xtara fl-aħħar snin.
Tkellem ukoll dwar is-settur tal-manifattura, li f’Għawdex ukoll sejjer lura minkejja li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li l-ekonomija b’mod ġenerali sejra tajjeb. Esprima iżda t-tħassib fl-industrija tat-turiżmu li s-suċċess li qed jiġi reġistrat mhux qed jirrifletti f’kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema fl-industrija turistika li mhix qed tkun attraenti għall-istudenti Maltin u Għawdxin.
Appella għal politika li twassal għal aktar inċentivi għaż-żgħażagħ biex jagħżlu li jistudjaw fl-ITS meta f’Għawdex, l-istudenti qed jonqsu sena wara oħra. Semma problema oħra f’Għawdex – dik li ż-żieda fit-turisti qed tkun assorbita mhux fil-lukandi, f’guest houses jew f’villaġġi turistiċi għax hawn kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ ljieli f’dawn l-istabbilimenti, iżda fil-privat. Appella għal ħidma biex din ix-xejra ma tkomplix.
L-Oppożizzjoni diġà bi proposti serji u konkreti
Id-Deputat Nazzjonalista qal li -Oppożizzjoni qed diġà turi l-politika tagħha għal meta tkun fil-Gvern, u dan hu rifless fid-dokument bit-titlu ‘Ekonomija għan-Nies’, li jsemmi ħames punti bażiċi li juru kif se nkunu mutur għat-tkabbir ekonomiku fl-ambjent, fir-rispett tad-dinjità lejn kulħadd, kif Malta tkun xempju diġitali u li Għawdex tkun fil-qalba ekonomika tal-pajjiż.
L-istess hu d-dokument tal-Oppożizzjoni dwar governanza tajba biex tinbena fiduċja ġdida fil-politika, b’regoli ta’ kif issir il-politika. Dokument li jitkellem għal titjib fil-politika demokratika b’miżuri li jgħaddu l-poter lejn in-nies u lejn is-soċjetà.
Saħaq ukoll li l-PN mhux jikkritika biss qudiem l-iskandli tal-Gvern, iżda qed jipproponi politika differenti b’dokument ieħor li juri li biex niġġieldu l-korruzzjoni għandu jkun hemm sforz kollettiv mill-politiċi, pubbliku u l-imsieħba soċjali.
It-tmexxija tal-Gvern hi ‘l bogħod mis-sewwa b’każjiet ta’ korruzzjoni fl-għoti ta’ visas mill-eksteżorier tal-PL, il-każ skandaluż fin-negozju li għamel l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mal-familja Gaffarena, u l-ftehim li sar fi ftit minuti ma’ negozjant Ġordaniż biex jieħu proprjetà ODZ fiż-Żonqor u ħdejn il-baħar.
//= $special ?>