…ħadd ma jgħid min hu responsabbli minn child care centre li nbena qrib fabbriki u garaxxijiet fejn fost l-oħrajn isir kwantità ta’ spray
Wara mistoqsijiet parlamentari lil tliet Ministri differenti u lill-Prim Ministru wkoll, il-Gvern baqa’ ma qalx min hu l-Ministru responsabbli minn child care centre li nbena fiz-Zona Industrijali tax-Xewkija u jekk ittiħdux il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għas-saħħa tat-tfal li se jkunu qed jattendu dan iċ-child care minħabba li dan imiss ma’ fabbriki u garaxxijiet fejn fost l-oħrajn isir kwantità ta’ spray.
Il-Gvern kien ikkritika illejla fil-Parlament għal dan l-atteġġjament tal-Gvern, mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said li tkellem fl-aġġornament dwar numru ta’ materji li jolqtu lil Għawdex f’sitwazzjoni fil-Parlament fejn sfortunatament fil-ħin tal-mistqosijiet ftit li xejn tingħata informazzjoni u f’ħafna drabi l-Ministru għal Għawdex jaħrab mill-mistoqsijiet li jsiru jew ifarfar fuq sħabu.
Dwar xogħol ta’ upgrading fiz-Zona Industrijali tax-Xewkija fejn parti minn dan ix-xogħol kien il-bini ta’ Child Care Centre, Chris Said semma li rċieva lmenti li dan ic-Child Care ser ikun imiss ma’ fabbriki u garaxxijiet fejn fost l-oħrajn isir kwantità ta’ spray.
Dwar dan ix-Shadow Minister għamel mistoqsija lill-Ministru Anton Refalo fl-10 ta’ Dicembru 2015 u li wieġeb fit-12 ta’ Jannar li għadda u wieġeb biex jistaqsi lill-Ministru konċernat, li jfisser li l-Ministru għal Ghawdex mhux responsabbli mill-uniku Child Care tal-Gvern li għad irid jiftaħ f’Għawdex.
Staqsa l-istess mistoqsija lill-Ministru Chris Cardona, responsabbli miz-zoni industrijali u anke dan il-Ministru farfar u qallu wkoll biex jistaqsi lill-Ministru konċernat. Spjega li l-uniku Ministru li kien fadal li b’xi mod seta’ kien responsabbli, kien il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li wkoll wieġeb bl-istess mod taż-żewġ ministri l-oħrajn.
Chris Said qal li t-triq li kien fadallu kienet li jagħmel il-mistoqsija lill-Prim Ministru biex jgħid liema Ministru hu responsabbli min dan ic-Child Care, bil-Prim Ministru wiegeb billi rrefera għat-twegiba li ta l-Ministru Chris Cardona li kien wieġeb biex il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.
Quddiem dawn it-tweġibiet ta’ tliet Ministri u tal-Prim Ministru, ix-Shadow Minister staqsa x’serjetà hi u b’min iridu jidħku. Staqsa jekk il-Parlament għandux jiġi stmat b’dan il-mod u jekk għandhomx jiġu stmati hekk it-tfal Għawdxin mill-Prim Ministru u tliet Ministri tiegħu.
//= $special ?>