Lokali Parlament

Argument fil-Parlament bejn deputati tal-Gvern

Lejn l-aħħar tas-seduta parlamentari tal-lejla, fil-Kamra tad-Deputati nqala’ argument bejn żewġ deputati tal-Gvern.

L-argument inqala’ bejn il-Whip tal-Gvern id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, u d-Deputat Laburista Etienne Grech, f’liema argument id-Deputat Etienne Grech instema’ jipprotesta bil-qawwa mal-Whip tal-Gvern.

Dan l-inċident bejn iż-żewġ deputati tal-Gvern inqala’ meta kien fadal biss ftit minuti qabel ma taġġorna l-Kamra mid-dibattitu dwar l-Estimi tal-Baġit. Dak il-ħin kien qed jitkellem id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, li fl-aħħar rimarki li għamel deher ċar li ma kellux ħin biżżejjed biex jagħmel id-diskors kollu li kien ipprepara minħabba li kien wasal il-ħin bex isir l-aġġornament tal-Kamra. Id-Deputat Laburista għażel li jikkonkludi u ma jkomplix jitkellem meta l-Parlament ikompli jiddiskuti l-istess Abbozz ta’ Liġi.

Il-Gvern irid jagħlaq kemm jista’ jkun malajr id-dibattitu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-baġit, bil-Whip kemm tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni kienu ddikjaraw nhar it-Tnejn li għadda fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li hemm ħafna deputati miż-żewġ gruppi parlamentari li jridu jintervjenu. B’kollox kien hemm madwar 30 deputat.

Il-Parlament il-ġimgħa d-dieħla hu ppjanat li jtawwal is-seduti parlamentari biex jibdew kmieni waranofsinhar u jkomplu għaddejjin sa filgħaxija