Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo appella lill-Gvern ikun ċar dwar il-futur tal-Air Malta u jikkonferma jew jiċħad li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Etihad mhumiex għaddejjin sew, u jekk għadhomx għaddejjin. Dan biex jinqatgħu x-xnigħat u biex kulħadd ikun jaf fejn sejrin.
Meta tkellem illejla fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista qal li qiegħed jitlob lill-Gvern biex ikun ċar wara li sema’ li d-diskussjonijiet mhux għaddejjin sew bejn il-Gvern l-Etihad.
Dwar l-Air Malta, qal ukoll li hemm mistoqsijiet kbar u ħafna xnigħat ukoll li se nkunu feeder airline bl-Alitalia. Semma wkoll kif il-frekwenza lejn Frankfurt, Dusseldorf u ajruporti reġjonali fl-Ingilterra naqsu waqt li awgura li dawn ma jispiċċawx wara li twaqqgħet ukoll il-Greċja wara li kien hemm l-assigurazzjoni li se jkun hemm l-istess numru ta’ seats fuq l-ajruplani lejn pajjiżna.
Appella lill-Gvern li jinforma lill-industrija kollha b’dan it-taqlib u t-tibdil.
Staqsa wkoll jekk il-ground handling hux se jibqa’ kif inhu llum, jew jekk hux se jingħata lil ħadd ieħor. Staqsa wkoll x’se jiġri mis-slots li l-Air Malta għandha f’Heathrow li jiswew €40 miljun; jekk l-Air Malta hix se titħallas tagħhom; u jekk il-ħaddiema kollha hux se jibqgħu.
Spjega li meta hemm il-bejgħ ta’ Selmun, u l-fjuwil raħas, l-Air Malta għandha tagħmel il-flus hekk kif irrimarka wkoll li l-burokrazija fl-Air Malta żdiedet.
Semma wkoll li fl-2105 l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) ħarġet miljuni ta’ flus b’diversi ċekkijiet lill-Air Malta, u staqsa jekk dan hux għajnuna finanzjarja lill-Air Malta mill-istat. Staqsa wkoll jekk hux qed jingħataw il-fondi tal-UE lill-MTA.
Tkellem ukoll dwar it-taxxa fuq it-turisti li se tidħol fis-seħħ f’anqas minn sitt ġimgħat u qal li s-sidien tal-lukandi għadhom ma jafux kif se titħaddem, bi problemi wkoll ta’ ħafna lukandi fuq il-bookings li diġà għandhom għal din is-sena. Appella mill-ġdid biex din tibda minn Novembru li ġej u mhux fl-1 ta’ April.
//= $special ?>