Jippreżenta l-kuntratt dwar it-trasport pubbliku fl-aħħar tas-seduta parlamentari tal-lejla… waħħal fl-Oppożizzjoni li t-trasport pubbliku għadu ma qamx fuq saqajh
Wara sena u xahrejn mill-wiegħda li kien għamel il-Gvern li se jippubblika l-kuntratt dwar is-servizz tat-trasport pubbliku mal-kumpanija Spanjola, il-Ministru Joe Mizzi llejla poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta parlamentari tal-lejla, li rat ukoll lid-Deputat Speaker jappella lill-Ministru jkun dekoruż fil-kliem tiegħu lejn il-membri u lejn din il-Kamra.
Il-Ministru Joe Mizzi kien ukoll mitlub mid-Deputat Speaker Ċensu Galea josserva l-ħin tal-aġġornament li kien qed jagħmel minħabba li kien ħa aktar mill-ħin tan-nofs siegħa tal-aġġornament u biex jikkonkludi.
Għall-allegazzjonijiet li għamel fil-Parlament fil-konfront tax-Shadow Minister Marthese Portelli, il-Ministru Joe Mizzi ma ssostanzjax dak li kien allega, bix-Shadow Miniser tappella lill-Ministru biex jissostanzja dak li allega jew jirtirah.
Kien f’dan il-mument li d-Deputat Speaker Ċensu Galea wissa lill-Ministru Mizzi biex juża kliem dekoruż lejn il-Parlament u lejn il-membri tal-Kamra.
Fl-ewwel battuti tad-diskors tiegħu, il-Ministru Joe Mizzi qal li t-trasport pubbliku għadu ma laħaqx il-livell mixtieq, u qal li jeħtieġ li jsir ħafna u ħafna xogħol. Waħħal fin-negattività tal-Oppożizzjoni li t-trasport pubbliku mhux iqum fuq saqajh.
Ammetta wkoll li kien hu li qal li fl-ewwel ġimgħa tas-sena l-oħra kien se jippubblika l-kuntratt fl-immedjat. Dan m’għamlux għax qal li ried li l-poplu jifhem kif se jinbidel għall-aħjar it-trasport pubbliku.
Spjega li llum hu l-mument opportun għax qal li fassal kuntratt aħjar għall-awtorità regolatorja, għall-Gvern u l-kumpanija Spanjola. Kuntratt li qal fih obbligu li jkun hemm kampanja pubbliċitarja u li jonqos il-ħin tal-vjaġġi u nolijiet orħos.
Fuq is-sussidju qal li bis-sussidju li kellha, l-Arriva telqet, u bis-sussidju li ngħata llum it-trasport qed jirnexxi. Meta ddefenda l-kritika b’rabta mat-tibdil kontinwu li kien hemm fir-rotot u fil-ħinijiet tal-vjaġġi, semma li s-sistema f’Mater Dei se tmur lura għal dak li kienet qabel, u li f’April u f’Ġunju se jsir aktar tibdil, fosthom rotot li kienu qabel fis-servizz li se jerġgħu jiddaħħlu.
Filwaqt li ammetta li kien hemm problemi, qal li fl-istess nifs li qal li mhux minnu li hemm falliment. Skont il-Ministru, hemm anqas ilmenti, u s-servizz hu aħjar minn dak li kien hemm qabel. Qal ukoll li kellu kull dritt jagħmel żjara fi Spanja meta kien għadu għaddej il-proċess ta’ għoti tat-tender.
Kien meta l-Ministru rrifera għall-mistoqsija li għamlet ix-Shadow Minister Marthese Portelli dwar jekk il-kumpanija Spanjola hix qed tgawdi wkoll minn sussidju fuq il-fjuwil, li d-Deputat Speaker talab lill-Ministru jkun dekoruż fi kliemu.
Kien hawn li x-Shadow Minister Marthese Portelli sejħet għal diversi point of orders, bil-Ministru Mizzi joġġezzjona u bl-Ispeaker jirrimarka li jrid jisma’ r-rimarki l-ewwel qabel ma jiddeċiedi jekk hemmx każ jew le ta’ point of order.
Għat-talbiet tax-Shadow Minister biex il-Ministru jissostanzja l-allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tagħha, il-Ministru Joe Mizzi ma ssostanzja ebda allegazzjoni.
Id-Deputat Speaker Ċensu Galea wissa li kien se jwaqqaf is-seduta u talab lill-Ministru Joe Mizzi jagħmel l-aġġornament skont ir-regoli tal-Kamra.
Il-Ministru temm id-diskors tiegħu jakkuża lill-Oppożizzjoni li qed tagħti l-gambetti, u jammetti li hemm abbużi fil-vjaġġi u fis-servizz, u li ma jafx biss min hemm warajhom u min qed jorganizzahom għalkemm qal li suspetti għandu.
//= $special ?>