Lokali Parlament

Sena u xahrejn tard: Il-Ministru Mizzi se jippubblika llejla l-kuntratt dwar it-trasport pubbliku

Bħala Ministru, Joe Mizzi m’għażilx li jpoġġi l-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ħin li l-Ministri huma mitluba jpoġġu d-dokumenti fil-Parlament, bil-Whip tal-Gvern jispjega li l-Ministru Mizzi se jagħmel dan fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta tal-lejla

Sena u xahrejn wara li l-Gvern wiegħed li se jippubblika l-kuntratt mal-kumpanija Spanjonala li qed tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku, il-Ministru Mizzi se jkun qiegħed iressaq illejla dan il-kuntratt fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament.

Fis-seduta tal-lejla, fil-ħin li fih fil-Parlament jiġu ppreżentati d-dokumenti, il-kuntratti u r-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra, il-Gvern ma ressaqx il-kuntratt kif wiegħed il-Ministru li se jagħmel din il-ġimgħa.

Bħala Ministru, Joe Mizzi m’għażilx li jpoġġi l-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ħin li l-Ministri tal-Gvern huma mitluba jpoġġu d-dokumenti fil-Parlament, bil-Whip tal-Gvern jispjega li l-Ministru Mizzi se jagħmel dan fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta tal-lejla, fil-ħin li fih il-membri parlamentari jkunu jistgħu jagħmlu l-interventi tagħhom fil-Parlament fuq is-suġġetti li jagħżlu huma.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli, irrimarkat li din hi l-aħħar seduta ta’ din il-ġimgħa tal-Parlament u l-Ministru ma qigħedx fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt kif wiegħed li se jagħmel.

Irreferiet għal intervista mal-Ministru Joe Mizzi li ġiet ippubblikata nhar il-Ħadd li għadda fil-gazzetta Malta Today fejn ġie rappurtat li l-Ministru Joe Mizzi kien se jqiegħed il-kuntratt din il-ġimgħa fil-Parlament.

Staqsiet lill-Gvern, minħabba li l-Ministru Joe Mizzi ma kienx preżenti fil-Kamra, jgħid jekk hux se jkun qiegħed jippubblika l-kuntratt minħabba li dan ma sarx fil-ħin li fih is-soltu jitpoġġew id-dokumenti tal-Gvern fil-Parlament.

Il-Whip tal-Grupp tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, qal li l-kuntratt se jjitressaq mill-Minsitru Mizzi waqt li se jkun qed jitkellem fil-ħin tal-aġġornament.

Din il-ġimmgħa, il-Gvern ma tax risposta ċara għall-mistoqsija li għamlet fil-Parlament ix-Shadow Minister Marthese Portelli, dwar jekk l-Ispanjoli, minbarra t-€30 miljun f’sussidju li qed jingħataw mill-Gvern u li hu t-tripplu ta’ dak li kien jingħata lill-Arriva, hux qed jibbenefikaw minn xi rata sussidjata fuq id-diesel tal-karozzi li qed jixtru mingħand l-Enemed.