Il-Partit Nazzjonalista kiteb formalment lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar biex jinvestiga l-Iskandlu Gaffarena u Kastilja. L-ittra ntbagħtet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami wara ġimgħat sħaħ ta’ sejħiet fil-media mill-Partit Nazzjonalista biex il-Pulizija tinvestiga l-Iskandlu.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Beppe Fenech Adami qal li mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, hemm biżżejjed punti li għandhom iwasslu għal investigazzjoni kriminali mill-Pulizija. L-ittra mibgħuta lill-Kummissarju tal-Pulizija ssemmi mill-anqas 14-il punt li l-Pulizija għandha tħares mill-qrib lejhom u tinvestigahom.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li punt partikolari fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali jgħid b’mod ċar li d-deals bejn Gaffarena u l-Gvern jista’ jkun li jiksru l-Kodiċi Kriminali. Kompla li l-għada li ħareġ ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, il-Pulizija ntbagħtu mill-Prim Ministru Joseph Muscat fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Fakkar li dakinhar stess, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jifrex l-investigazzjoni għal Kastilja għax jirriżulta ċar li hu hemm fejn inħema, tfassal u saru t-trattattivi dwar dan il-każ.
Madankollu, mhux talli l-Pulizija ma bdietx tinvestiga Kastilja, iżda ġie żvelat li sal-ġurnata tal-lum, il-Pulizija għadha ma bdietx tinvestiga allegazzjonijiet serji li jistgħu jwasslu għal azzjoni kriminali li jirriżultaw mill-istess Rapport.
Dwar il-każ fil-Qorti, li fih laqgħet ‘prima facie’ il-Mandat ta’ Inibizzjoni kontra Gaffarena, Beppe Fenech Adami qal li minnha nnifisha din id-deċiżjoni hi indikatur li kien hemm korruzzjoni.
Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlene Camilleri Zarb staqsiet għaliex il-Prim Ministru qed jagħżel li ma jweġibx mistoqsijiet ċari li qed isirulu: meta kien jaf bid-‘deal’ skandaluż ta’ Gaffarena u jekk Gaffarena ħallasx lil xi ħadd biex ħa dak li ħa mingħand il-Gvern.
Il-Kandidat sostniet li dan l-Iskandlu jikkonferma kemm il-Gvern ta’ Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni. Muscat l-ewwel ħalla l-korruzzjoni tinħema f’Kastilja u issa qed jipprova jirrimedja bil-Qorti għan-nuqqasijiet kbar fit-tħaddim ta’ flus il-poplu. Din mhi xejn ħlief farsa politika, temmet tgħid Charlene Camilleri Zarb.
//= $special ?>