Lokali Qorti

Il-UĦM Voice of the Workers tikteb lill-Ministru Owen Bonnici dwar id-Deputati Reġistraturi tal-Qorti

Il-UĦM Voice of the Workers, xi żmien ilu, kienet ressqet numru ta’ proposti biex iservu bħala bażi għal ftehim settorjali dwar il-ħaddiema li jaħdmu bħala Deputati Reġistraturi fil-Qorti.

Fi stqarrija, il-Union kienet kitbet lill-Ministru u lill-Amministrazzjoni tal-Qorti dwar dan, fejn sostniet li ma tistax tifhem għaliex dan id-dewmien kollu biex jintlaħaq ftehim għall-ħaddiema f’din il-kategorija. Dawn il-ħaddiema jgawdu r-rispett u l-fiduċja tal-Amministrazzjoni tal-Qorti u anke tal-Ġudikanti.

Il-UĦM Voice of the Workers fakkret li saħansitra talbet diversi drabi biex tiltaqa’ mal-Ministru, u għalkemm il-laqgħa ġiet imwegħda u ffisata għal darba darbtejn, din baqgħet ma seħħet qatt.

Fl-istqarrija jingħad li kull darba li l-Union tikseb data u ħin, il-laqgħa kienet qed titħassar min-naħa tal-Ministeru. L-aħħar darba li ġara hekk kien proprju it-Tlieta li għadda, meta l-UĦM Voice of the Workers kienet infurmata fl-aħħar ħinijiet li l-laqgħa, li kienet ġiet ippjanata bejn il-Ministru u l-Uffiċjali tal-Union, kienet tħassret mill-Ministeru stess.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li dan mhux il-mod kif jiġu trattati l-ħaddiema u l-Union li tirrapreżentahom. Għaldaqstant, għamlitha ċara li jekk mhux se tingħata laqgħa sal-aħħar ta’ Frar u l-affarijiet jibqgħu sejrin għan-niżla, se tkun qed tordna azzjonijiet industrijali biex tħares l-interessi tal-membri tagħha.