Hekk kif David Cameron, il-Prim Ministru Ingliż, qed ikompli b’negozjati kruċjali dwar is-sħubija ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal li ma tantx jemmen li r-Renju Unit kien se jitlaq mill-UE, xi ħaġa li tlaqmet bħala ‘Brexit’.
Matul il-ġurnata tal-Erbgħa saru taħditiet biex tintlaħaq xi forma ta’ ftehim qabel is-summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea tal-Ħamis.
Iżda Juncker qal li ma kellu l-ebda pjan alternattiv jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li joħroġ, għaliex hu jemmen li dan ma kienx se jiġri. Hu żied li ma kien hemm ebda Pjan B għaliex kull ma kien hemm kien Pjan A, u dan kien li r-Renju Unit jibqa’ membru tal-UE.
Jekk Cameron jirnexxilu jikseb ftehim waqt is-summit tal-Ħamis, l-indikazzjonijiet huma li hu jsejjaħ referendum dwar is-sħubija f’Ġunju.
Iżda t-triq mhux mistennija tkun waħda faċli għal Cameron, anki jekk dan jilħaq ftehim waqt is-summit tal-UE. Dan għaliex Martin Schultz, il-President tal-Parlament Ewropew, wissa li l-appoġġ tal-Membri Parlamentari Ewropej ma kienx iggarantit.
Cameron qed ifittex bdil fil-proċess tal-integrazzjoni ta’ Londra fl-UE, il-kompetittività fin-negozju, restrizzjonijiet fuq il-benefiċċji li jingħataw lil dawk li mhumiex ċittadini Ingliżi, u l-ħidma taz-zona ewro.
Juncker fiduċjuż dwar is-sħubija tar-Renju Unit
