Lokali Qorti

Konfermat il-ħelsien mill-arrest

Il-Qorti ċaħdet appell li sar mill-Avukat Ġenerali biex jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest tar-raġel li nhar it-Tnejn ġie mixli li ħebb għall-Pulizija.

B’rabta ma’ dan il-każ, qed ikun allegat li dawn it-tliet uffiċjali tal-Korp sofrew xi ġrieħi mill-akkużat meta waqqfu l-BMW li kien qed isuq waqt ‘roadcheck.’

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat fuq depożitu ta’ €5,000. Madankollu l-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni u qal li l-imputat diġà nstab ħati ta’ reati simili għal dawk li dwarhom huwa jinsab għaddej proċeduri u għaldaqstant mhuwiex affidabbli.

Min-naħa tagħha, il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qalet li ma tara l-ebda raġuni għaliex għandha titbiegħed mill-fehma milħuqa mill-Ewwel Qorti.

Il-Qorti Kriminali qalet li l-kundizzjonijiet imposti mill-Ewwel Qorti joffru għadd ta’ garanziji, apparti li l-imputat jibqa’ taħt is-superviżjoni tal-psikjatra kuranti tiegħu Dr Joseph Spiteri.

Fl-istess waqt, il-Qorti qalet li jidher li l-imputat dejjem obda kull ordni mposta fuqu mill-Qorti u għalhekk la hemm biża ta’ ħarba u lanqas li ma joqgħodx għall-kundizzjonijiet tal-Qorti.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-Avukat ġenerali.