BLOGS

The Rise and Fall of ‘Tagħna Lkoll’?

Malta lkoll tiftakar kif preċiżament f’nofs ta’ lejl, 60 jum qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-mexxej tal-Partit Laburista, illum Prim Ministru, nieda l-kampanja elettorali bl-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ li fiha nnifisha kienet qed twassal messaġġ indirett li matul is-snin preċedenti, taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, Malta ma kinitx. L-għajta kienet tista’ tgħid imwieżna minn tliet kelmiet qawwija li wkoll, donnhom, skont il-messaġġ sottili tal-Partit Laburista, ma kinux jagħmlu sehem mill-vokabolarju preċedenti.

Għaddew tliet snin (biss!) u l-indikazzjonijiet huma li l-elezzjoni hija litteralment wara l-bieb. Il-manjiera kif l-2016 ippreżentat l-ewwel parti minn ‘road map’, dik li l-Partit Laburista ġiegħel lid-delegati jbaxxu rashom għal bidla fl-istatut skont kif indika Joseph Muscat sabiex is-suċċessur tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Toni Abela jkun il-Ministru Konrad Mizzi, tkompli tindika li l-Partit Laburista qiegħed jipprepara għal sejħa bikrija. Il-Prim Ministru ġie kkowtat jgħid, kif sostna wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li Konrad Mizzi għandu l-abbiltajiet kollha meħtieġa sabiex jorganizza lill-Partit, li allura, donnhom qed jindikaw li l-organizzazzjoni li ddominat l-aħħar kampanja elettorali għal elezzjoni ġenerali sfaxxat fix-xejn.

Hawnhekk mill-ewwel jitfaċċa l-ewwel pilastru għall-islogan ‘Malta Tagħna Lkoll’; il-Meritokrazija. Kelma li qabel l-2013, ma kellhiex konnotazzjonijiet diretti max-xena politika Maltija, ħalliet impatt b’saħħtu fuq l-elettorat li kien qiegħed jippretendi, għax hekk ġie mfisser kuljum għal 60 jum, li kulħadd għandu jkollu l-istess opportunitajiet abbażi ta’ kompetenza meritokratika. Hija appuntu din il-meritokrazija partiġġjana, jiġifieri għal tal-Partit Laburista biss, li sfrondat lill-Partit internament għax il-maġġoranza tat-‘Tagħna Lkoll’ partu posthom fil-Partit ma’ ‘ieħor’ u għal xi wħud ‘oħrajn’ li jqallgħulhom il-belli ewro mit-taxxa tagħna lkoll, impjiegi li mhux biss kienu mmirati għal tal-qalba, imma li saħansitra anke nħolqu għalihom. Meritokrazija per eċċellenza li sal-lum, u aktarx mhux daqstant faċli, qatt mhux ser inkunu nafu r-‘road map’ vera wara l-ħatriet u l-appuntamenti tagħhom ilkoll.

Dan l-argument iwassalni għall-għajta tat-‘Trasparenza’ li tant insista fuqha tul dawn is-60 jum t’ingann. Fil-parlament, l-Oppożizzjoni għadha qed tisfida – għall-bidu kienet tistiednu! – sabiex jippreżenta l-aktar kuntratti importanti għall-pajjiż, liema kuntratti għandhom il-faħam miblul; fosthom dawk tal-enemalta u tal-malta public transport. Dan in-nuqqas għaldaqstant jikxef gidba elettorali oħra, pilastru ieħor mill-għajta tat-‘Tagħna Lkoll’; il-Kontabilità jew il-Governanza Tajba. Il-Gvern, falla trinjonfalment f’dik li hi Kontabilità u Governanza Tajba kif jixhdu għalih l-iskandli kontinwi li tappnu leġislatura li sejra tibqa’ mfakkra bħala l-aktar waħda korrotta fl-istorja politika Maltija.

Għalhekk, Gvern ‘ġdid’ li kellu jindokra stil ta’ politika ġdida, bi 3 snin jew 4 qabel governanza warajh, irid jaffaċċja lill-poplu b’riżultati konkreti u fatti u mhux kliem, aktarx fieragħ, bħalma tagħna l-Gvern tul din il-leġislatura u dawk is-60 jum fatali. F’din il-leġislatura – interessanti ninnutaw – il-Gvern u l-esponenti Laburisti ma tkellmux aktar dwar il-Meritokrazija, it-trasparenza u l-Kontabilità, imma bbażaw l-argumenti tagħhom fuq ‘Malta Ottimista’, ‘Enerġija Pożittiva’ u ‘Ekonomija b’Saħħitha’. Ma tkellmux wisq ukoll dwar in-nixfa ta’ proġetti li mmaterjalizzawx taħt dan il-Gvern, imma ftaħru b’rix leġislatura preċedenti u l-flus li nkisbu mill-Unjoni Ewropea (u li spiċċaw jaħlu minnhom!).

Id-diskors dwar il-‘Power Station’ miet fuq ommu għax baqgħet ma tlestiet qatt, u l-Prim Ministru baqa’ ma rreżenjax, lanqas ma rreżenja l-Ministru nkarigat mill-proġett kollu. Minn issa ‘l quddiem, ma nistgħux lill-Ministru Konrad Mizzi nassoċjawh aktar mal-‘Power Station’ jew mas-suċċess ta’ Mater Dei (?) – inkella l-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – imma mal-pożizzjoni fdata lilu biex iqajjem mill-ġdid Partit Laburista li tfarrak internament minħabba qasma evidenti: dawk ta’ Joseph Muscat u l-Laburisti. Il-Partit Laburista issa huwa maħkum, mhux biss minn dawk li għażel għalih Joseph Muscat, imma maħkum ukoll minn nixfa ta’ slogans li llum ma għadhom ifissru xejn!

Ma hemmx post għal ‘Malta Ottimista’, għax Malta tkun ottimista jekk kemm-il darba tkun meritokratika mill-ġdid.

Ma hemmx post għal ‘Enerġija Pożittiva’ għax Malta pożittiva bl-enerġija tas-suċċessi li kisbet tul il-leġislaturi Nazzjonalisti li ħasbu għal futur tagħna lkoll fil-veru sens tal-kelma; billi għal snin twali irsistew għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.

Ma hemmx post għal ‘Ekonomija b’Saħħitha’, għax din hija sintomu ta’ Malta ottimista kollha enerġija pożittiva li ġġenerat tul snin li fihom Malta bniet il-politika tagħha fuq is-serjetà u mhux il-kliem qarrieq.

Hekk nibdew risqin lejn kampanja elettorali bikrija, bil-Partit Nazzjonalista awtur ta’ għadd imdaqqas ta’ emendi kostituzzjonali u ‘private member’s bills’ li flimkien mad-dokumenti ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ u ‘Ekonomija għan-Nies’ jidher li jaf fejn irid imur, waqt li l-Partit Laburista jinsab f’salib it-toroq biex jissostitwixxi l-għajta li tant ġabet suċċess imminenti li, imma, ma damx ma ħareġ fid-dieher li kienet biss maskra li issa waqgħet u qed tniżżel magħha l-Gvern tat-‘Tagħna Lkoll’!

Jalla s-suċċessi ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru jissarrfu f’suċċessi simili għall-qawmien tal-Partit Laburista.

Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.
Dan l-artiklu deher fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ tal-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2016