L-Istati Uniti bagħtet erba’ ajruplani tat-tip F-22 Raptor lejn il-Korea t’Isfel f’turija ta’ saħħa wara l-aġir reċenti tal-Korea ta’ Fuq. Aġir li kien jinkludi l-isplużjoni nukleari bi prova u sparar ta’ satellita.
Qabel l-inżul tagħhom, l-ajruplani Amerikani, li huma meqjusa bħala l-aktar avvanzati li hawn fid-dinja, taru madwar il-bażi Amerikana ta’ Osan fil-provinċja ta’ Gyeonggi li tinsab tul il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq.
L-ajruplani F-22 intbagħtu l-Korea t’Isfel mill-bażi tagħhom f’Okinawa fil-Ġappun.
Sorsi qalu li għalissa dawn l-ajruplani kienu se jibqgħu fil-Korea t’Isfel fejn hemm stazzjonati wkoll mat-28,000 suldat Amerikan.
F’Jannar, ajruplan Amerikan tat-tip B-52 kien tar fuq il-Korea t’Isfel f’turija oħra ta’ saħħa ftit wara li l-Korea ta’ Fuq kienet wettqet l-isplużjoni nukleari.
Turija ta’ saħħa mill-Amerikani fil-Korea
