Lokali

FILMAT: “Jien kelli kriminal hawn ġew” – Net News jidħol ġol-kamra ta’ Poznanski

Intervista sħiħa ma’ sid il-lukanda Aasti llejla waqt Newsfeed

“Fejn qatt bsart li kien se jkolli kriminal hawn ġew?” qaltilna Annie, sid il-lukanda Aasti fil-Belt Valletta, fejn Kajetan Pozanski kien qed jorqod sakemm dam maħrub f’Malta.

Poznanski kien fost l-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa għall-qtil ta’ mara ta’ 30 sena fil-Polonja. Hu rappurtat li Poznanski biċċer lil din il-mara u fost l-oħrajn qatalha rasha. Il-mara, identifikata bħala Catherine, kienet tagħti l-lezzjonijiet tat-Taljan lil Poznanski.

NETnews.com.mt rnexxielu jidħol fil-lukanda Aasti, fejn Poznanski raqad matul l-għaxart ijiem li dam Malta. Fost l-oħrajn, stajna naraw saħanistra s-sodda ta’ Poznanski għada mhux mifruxa.

Il-Pollakk inqabad ilbieraħ fil-venda tal-Belt Valletta u sakemm il-Pulizija għamlu l-investigazzjonijiet tagħhom, il-kamra tħalliet kif ħallieha Pozanski nnifsu.

Dalgħodu, hu tressaq il-Qorti fejn intlaqgħet it-talba ta’ mandat t’arrest Ewropew biex ikun estradit lejn il-Polonja.