Il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea u l-immigrazzjoni huma t-tema ewlenija fuq l-aġenda tas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li se jiltaqa’ llum wara nofsinhar fi Brussell. Għal dan is-Summit, bi tħejjija għas-Summit tal-Mexxejja Ewropej li wkoll se jibda aktar tard illum, qed jattendi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħalla Malta lbieraħ filgħaxija u miegħu se jattendu wkoll numru ta’ Mexxejja Ewropej oħra, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, kif ukoll il-Prim Ministri Viktor Orban tal-Ungerija u Mariano Rajoy ta’ Spanja.
Taħt it-tmexxija tal-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul u fil-preżenza taċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jipparteċipa f’dan is-Summit importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea.
Qabel is-Summit, il-Mexxejja preżenti esprimew ottimiżmu li fil-futur qrib jintlaħaq il-qbil meħtieġ biex ikun evitat li r-Renju Unit toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Fost oħrajn, Manfred Weber qal li r-riformi mitluba mir-Renju Unit huma fuq l-istess linja ta’ dawk li qed jitlob il-PPE.
Fost oħrajn, iċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew elenka r-regolazzjoni aħjar u aktar kompetittività, filwaqt li sostna l-ottimiżmu tiegħu li l-proposti jwasslu għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Messaġġ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qabel ma beda s-Summit: