Dan l-aħħar iltqajt ma’ frażi li laqtitni għax fakkritni fl-atmosfera mtappna bil-korruzzjoni li għaddej minnha pajjiżna. Il-frażi ta’ George Bernard Shaw li kienet tgħid: power doesn’t corrupt people. Fools, however, if they get into a position of power, corrupt power. Dan hu proprju dak li jiġri jekk il-poter ikun fdat f’idejn min mhux kapaċi jamministra l-poter, min il-poter jitlagħlu għal rasu. Dak li jiġri meta jkunu fdati nies li jdawru l-poter f’pussess u superjorità assoluta – dak li qed jiġri llum f’pajjiżna.
Sfortunatament, pajjiżna maħkum minn korruzzjoni istituzzjonalizzata li għaliha qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi. Irrispettivament mill-kulur politiku, kulħadd qed iħallas għat-tgawdija tal-esponenti tal-Gvern li filwaqt li jagħtu l-ftit lill-ħafna, qed jagħtu ħafna lill-ftit, dawk il-ftit li huma parti mill-klikka mdawra madwar Joseph Muscat u l-kabinett tiegħu.
Fejn sejrin it-taxxi tagħna?
It-taxxi tagħna qed jitberbqu f’obbligazzjonijiet li kkommetta ruħu għalihom il-Partit Laburista biex rebaħ il-gvern. Wegħdiet magħmulin fis-silenzju – mhux dawk tal-manifest elettorali għax dawk taru mar-riħ l-għada tar-riżultat tal-elezzjoni, iżda dawk li saru ras imb ras u li issa qed jitwettqu a skapitu tal-poplu.
Dan ix-xahar rajna jitfaċċa blog ġdid li l-għan tiegħu hu li jgħajjar u jmaqdar lill-Partit Nazzjonalista u nies li jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Il-moħħ wara dan il-blog huwa l-konsulent tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield, li wara l-insulti lill-Arċisqof, issa ħoloq din ir-rokna fuq l-internet biex jinsulta lil kull min b’xi mod ma jaqbilx mal-valuri politiċi tiegħu. Mhux qed nikkritika l-kitbiet, dawk jirriflettu l-faqar tal-awtur tagħhom, iżda qed nikkritika l-fatt li fil-ħin li tiegħu qed jitħallas minn flus il-poplu, is-Sur Bedingfield qed jikteb dawn l-artikli u jikkummenta fuqhom minflok juża dan il-ħin biex ikun produttiv u forsi jservi ta’ ġid għal pajjiżna.
F’dawn l-aħħar sentejn u nofs, ħafna qed jistqarru li l-pajjiż ġie għoqda – il-prijoritajiet ġew ta’ taħt fuq fejn minflok l-interess tal-pajjiż qed tingħata prijorità lill-interess personali ta’ ċertu nies. Il-Gvern ħaseb tajjeb li juża proprju simbolu ta’ għoqda għall-monument quddiem Kastilja. Għal din l-għoqda ħallast int – dan għax kif ġie rrappurtat, dan il-monument sewa lill-poplu Malti u Għawdxi aktar minn kwart ta’ miljun ewro. Inċidentalment, din in-nefqa saret filwaqt li f’pajjiżna r-rata ta’ nies fil-periklu tal-faqar żdied. Dawn huma l-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern?
Dawn huma l-aktar riċenti – jekk wieħed iżid magħhom il-każ tal-Cafè Premier u l-każ ta’ Gaffarena, il-paga tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi… il-probabbiltà hi li b’dawk il-flus il-Gvern seta’ jibni skola ġdida, itejjeb is-servizz tas-saħħa, jgħin lil min hu verament fil-bżonn, jgħin lill-anzjani, iżid is-servizzi soċjali, itejjeb is-servizzi tal-Gvern, jirranġa numru ta’ toroq, jibda jattwa dak imwiegħed fil-manifest elettorali tiegħu! – imma għall-Gvern dawn l-affarijiet sekondarji.
Dan il-Gvern mhux tagħna lkoll iżda tiegħu nnifsu biss.
//= $special ?>