Il-Papa Franġisku, li għadu kemm ikkonkluda żjara fil-Messiku, ikkritika lill-biljunarju Donald Trump, li qed jittama li jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan. Dan wara li Trump sejjaħ għall-bini ta’ ħajt tul il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.
Il-Kap tal-Kattoliċi qal ċar u tond li ‘mhux Kristjan dak il-bniedem li jaħseb biss dwar il-bini ta’ ħajt aktar milli biex jibni pont għal titjib fil-komunikazzjoni’. Hu għamel il-kummenti fit-tmiem taż-żjara fil-Messiku filwaqt li tenna li ‘kulmin jaħseb biex itella l-ħitan (bejn il-popli) ma jżommx mat-tagħlim tal-Vanġelu’.
Sadanittant, il-Papa ma qalx jekk l-Amerikani għandhomx jivvutaw għal Trump li hu l-favorit fost il-kandidati tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta għall-White House.
Donald Trump hu favur id-deportazzjoni ta’ kważi 11 il-miljun immigrant ‘mingħajr dokumentazzjoni’ mill-Istati Uniti. Intant, Trump fisser lilu nnifsu bħala ‘Kristjan kburi’ u waħħal ir-rimarki tal-Papa ‘fil-Messiku’.
Il-biljunarju qed jallega li l-Messiku ‘jibgħat il-kriminali lejn l-Istati Uniti’ waqt li tenna li ‘hu ma jaħsibx li l-Papa jifhem il-perikli assoċjati mal-fruntiera miftuħa (tal-Istati Uniti) mal-Messiku’.
//= $special ?>