Lokali Qorti

Il-Pollakk se jkun estradit lejn pajjiżu; minn Malta kien sejjer lejn it-Tuneżija

Kajetan Poznanski se jkun estradit lejn il-Polonja fi żmien għaxart ijiem. Poznanski ġie arrestat ilbieraħ wara li nħareġ mandat t’arrest Ewropew. Hu kien qed jiġi mfittex għall-qtil brutali ta’ mara ta’ 30 sena identifikata bħala Catherine.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, Poznanski qal li ma jsib l-ebda oġġezzjoni li jkun estradit lura lejn il-Polonja. Hemmek hu se jkun qed jiffaċċja akkużi dwar qtil li jistgħu ifissru għomor ħabs għaż-żagħżugħ.

Il-qtil seħħ fit-3 ta’ Frar li għadda f’wieħed mid-distretti f’Varsavja. Hu qatel lill-mara b’mod brutali fl-appartament tagħha waqt li kienet qed tagħtih lezzjoni privata fit-Taljan. Fil-Qorti instema’ kif ir-raġel għandu għarfien tal-Pollakk, l-Ingliż u anke l-Latin.

Waqt is-seduta, il-Qorti qalet li r-raġel hu l-istess wieħed indikat fil-mandat t’arrest Ewropew u ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni min-naħa tar-raġel għal dan. Filfatt, fil-Qorti, hu ddikjara wkoll li jaf x’inhuma l-konsegwenzi tal-mandat t’arrest.

Kien fid-9 ta’ Frar li għadda li r-raġel wasal Malta b’katamaran minn Sqallija wara jiem maħrub. Wara l-qtil, hu ħarab lejn il-Ġermanja u minn hemmek telaq lejn l-Italja. Aktar tard, minn Sqallija wasal Malta bil-baħar.

Qabel ma nqabad fil-venda tal-Belt, ir-raġel kien qed joqgħod fil-lukanda ‘Aasti’ fil-Belt Valletta.

Fl-istess seduta ir-raġel ammetta l-akkuża li għamel dikjarazzjoni falza meta qal li tilef il-passaport tiegħu bl-iskop li jingħata wieħed ġdid mill-ambaxxata tal-Polonja F’Malta. Hu għamel din id-dikjarazzjoni falza sabiex minn Malta jkun jista’ jaħrab lejn it-Tuneżija.

Għal din l-akkuża, ir-raġel ingħata sentenza ta’ tlett xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Intant ir-raġel inżamm arrestat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u fil-jiem li ġejjin se jkunu qed isiru l-arranġamenti biex ikun deportat lejn il-Polonja fi żmien għaxart ijiem. Sadanittant, hu jista’ jmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jekk f’dawn l-għaxart ijiem ikollu d-drittijiet tiegħu miksura.

Hu mifhum li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jaslu f’pajjiżna uffiċjali mill-awtoritajiet Pollakki li se jkunu qed jakkumpanjaw lil Poznanski lura lejn pajjiżu.