Internazzjonali

Jiżdiedu l-kontrolli mal-fruntiera

Il-Kroazja ħabbret li kienet se tibda tħalli biss 2,500 immigrant kull jum jaqsmu l-fruntieri tagħha u biss dawk li qed jaħarbu minn zona ta’ gwerra. Il-Gvern Kroat qal li dawk li qed ifittxu x-xogħol jew li riedu jingħaqdu mal-familji tagħhom ma kinux se jitħallew jidħlu.
Dan b’reazzjoni għal pass simili li sar mill-Awstrija u s-Slovenja, b’din tal-aħħar tħabbar li fi tmiem il-ġimgħa, madwar 200 immigrant ma tħallewx jaqsmu l-fruntiera tal-pajjiż.
L-Awstrija qed tippjana wkoll li tkabbar il-kontrolli tul il-fruntiera mal-Italja. Dan minħabba suspetti li hekk kif fil-Greċja se jissaħħu l-kontrolli, l-Italja dan is-sajf tista’ terġa’ tkun il-mira ewlenija tal-iżbarki tal-immigranti. Il-Ministru tal-Intern Awstrijak qal li kien se jkun hemm checkpoints f’Silian, Brenner u Nauders-Reschenpass, fejn wieħed jista’ jaqsam il-fruntiera, filwaqt li se jkun hemm tmien checkpoints tul il-fruntiera mas-Slovenja.
Sadattant, il-Gvern Grieg qal li kien kważi spiċċa x-xogħol fuq iċ-ċentri l-ġodda għall-immigranti li wiegħed li kien se jibni. Imma Panos Kammenos, il-Ministru tad-Difiża Grieg, qal li aktarx ma kienx se jkun hemm użu għalihom issa għaliex il-kriżi għall-Greċja kienet se tintemm la jibdew ir-rondi tal-għassa min-NATO.