Lokali

Estiża sal-lejla t-twissija ta’ riħ qawwi

L-Uffiċju Meteoroloġiku wissa dwar riħ mill-Majjistral li se jkun qawwi kultant fl-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. It-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-6pm iżda jista’ jkun li tiġġedded. Ir-riħ qawwi qed jolqot diversi inħawi inkluż Rikażli (filmat), Ħad-Dingli u l-fliegu bejn Malta u Għawdex.

Dan hekk kif it-tbassir tat-temp għal-lum jindika wkoll li mistenni riħ li jilħaq il-qawwa ta’ riefnu kif ukoll baħar qawwi ħafna, kif irrapporta NETnews.com.mt ilbieraħ.

Dan kollu fid-dawl taċ-Ċiklun Charlene, li minkejja li mhux se jolqot lill-Gżejjer Maltin, xorta waħda jinsab għaddej fil-qrib, tant li matul il-lejl li għadda għamlet ‘xita tal-ħamrija’, hekk kif iċ-ċiklun ġab miegħu ammont ta’ trab fin mid-deżert.

Fl-aħħar jiem ħarġu konfermi minn servizzi indipendenti tat-tbassir tat-temp li ċ-Ċiklun mhux se jkun qed jgħaddi minn fuq Malta. Kieku dan seħħ, kieku kienet tinħoloq ħsara kbira u kienet anke tinżel xita torrenzjali.

Ritratt u filmat: Jessica Vella