Lokali

Lilek, Muscat itik ftit … lil ħaddieħor itih ħafna

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sab €3.5 miljun x’jagħti lil Gaffarena, €4.2 miljun għal tal-Cafe’ Premier u €30 miljun f’sussidju lill-kumpanija Spanjola li qed tmexxi t-trasport pubbliku. Dan filwaqt li tilef €11 miljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta, €2 miljun fuq il-proġett taċ-Ċittadella f’Għawdex u €14 miljun f’deals mal-kumpanja tal-Istat tal-Ażerbajġan. Fl-istess waqt, lill-poplu qed itih il-ftit.

Dan sostnietu x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja Robert Cutajar. Ix-Shadow Minister qalet li ladarba Joseph Muscat sab il-miljuni biex jagħti lil dawk viċin tiegħu, żgur li seta’ jsib xi ftit għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà, għat-tfal u għall-familji b’mod ġenerali.

Paula Mifsud Bonnici qalet li fil-verità, Gvern Laburista qed jixxaħħaħ mal-anzjani billi l-maġġoranza tal-pensjonanti ma gawdewx miż-żieda mħabbra mill-Gvern fil-Budget. Semmiet kif il-bonus tal-għoli tal-ħajja qed jingħatalhom kull erba’ ġimgħat matul is-sena minflok f’daqqa fil-bidu tas-sena.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar spjega kif is-servizzi għall-anzjani fil-komunità ħadu daqqa lura, fost oħrajn għal dawk l-anzjani li qed ikollhom iħallsu tariffi u miżati għoljin bex ikollhom is-servizz tat-Telecare Plus.

Robert Cutajar spjega kif filwaqt li l-Gvern, fil-Parlament, iddiskuta malajr il-Liġi tal-Passaporti u dwar il-qasma fil-MEPA, ilu sentejn biex jiddiskuti Liġi marbuta mal-adozzjoni tat-tfal meta hemm koppji jistennew biex jadottaw.