Internazzjonali

Stennija u kritika għal żjara ppjanata ta’ Obama f’Kuba

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, għandu jżur Kuba fil-ġimgħat li ġejjin bħala parti minn żjara aktar komprensiva fir-reġjun tal-Amerika Latina.

B’hekk, Obama għandu jsir biss it-tieni President Amerikan fl-istorja li jivvjaġġa lejn Kuba wara Calvin Coolidge, fl-1928.

Sadattant, ir-Repubblikani fl-Istati Uniti kkritikaw iż-żjara ‘imminenti’ ta’ Obama għaliex jemmnu li din m’għandhiex issir filwaqt li l-poter, f’Havana, jibqa’ f’idejn il-familja Castro. Dan meta Raul Castro, ħu d-dittatur komunista Fidel Castro (illum irtirat), ilu President ta’ Kuba mill-bidu tal-2008.

L-Istati Uniti u Kuba rristawraw rabtiet diplomatiċi f’Lulju li għadda u l-Istati Uniti naqqset ir-restrizzjonijiet relatati għall-kummerċ u l-ivvjaġġar fil-konfront ta’ Kuba, wara ‘friża’ ta’ 54 sena.

Intant, is-Senaturi Repubblikani Marco Rubio u Ted Cruz, it-tnejn imnissla minn immigranti Kubani, fissru ż-żjara f’Kuba li qed iħejji Obama bħala ‘żball’.

Meta staqsewh jekk il-President Obama għandux imur Kuba ‘skont il-pjan’, Rubio, li qed jittama li jirbaħ il-kandidatura tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, wieġeb fin-negattiv ‘dment li Kuba ma tkunx ħielsa (mit-tmexxija ta’ Castro)’. Intant, Cruz rivali ta’ Rubio għall-kandidatura, qal li Obama, b’din iż-żjara, ikun qed iservi bħala ‘apoloġista’.

Iż-żjara f’Kuba li qed jippjana Obama tista’ ssir fl-istess żmien tal-iffirmar ta’ ftehim għall-paċi, f’Havana, bejn il-Gvern tal-Kolombja u r-ribelli tal-grupp FARC. L-iffirmar hu intiż li jtemm il-gwerra ċivili fil-Kolombja u mistenni jseħħ sat-23 ta’ Marzu.