Internazzjonali

Tħassib dwar il-possibbilta ta’ bomba radjuattiva f’idejn l-ISIS

Serqa ta’ kwantità żgħira ta’ isotope radjuattiv li saret ftit tax-xhur ilu ġġenerat biża’ li t-terroristi tal-ISIS jistgħu jużaw il-materjal biex jipproduċu bomba radjuattiva magħrufa bħala dirty bomb.
Rapporti qalu li bagalja bil-materjal, li kien fiha daqs laptop, ‘għebet’ mill-kumpless ta’ kumpanija Amerikana għas-servizzi taż-żejt f’Basra, fin-naħa t’isfel tal-Iraq. Dan il-każ mifhum li seħħ f’Novembru u l-kumpannija inkwistjoni ma tridx tikkummenta.
Sadanittant, ir-rapporti qalu li l-materjal misruq jinvolvi għaxar grammi ta’ Iridium-192, li għandu użu mediku fit-trattament għall-kanċer.
Filwaqt li t-total tal-materjal misruq jingħad li hu bil-wisq anqas mill-kwantità ta’ materjal nukleari li jafu li kien qed jinżamm fl-isptarijiet u faċilitajiet oħrajn qalb iz-zoni li waqgħu f’idejn l-ISIS, l-Iridium-192 hu magħruf bħala riżors ‘mill-aktar radjuattiv’.
Esperti dwar il-materjal nukleari qablu li l-Iridium-192 ‘jittrasmetti ammont konsiderevoli ta’ radjazzjoni gamma’. F’każ li l-materjal kellu jinfirex madwar zona speċifika, in-nies li jkollhom kuntatt miegħu għal ċertu perjodu ta’ żmien jistgħu jsofru l-effetti ta’ ivvelenar minn radjazzjoni li kapaċi jirriżultaw fatali.