Kultura Lokali

Valletta 2018 mimlija ndħil politiku fuq bosta livelli – il-PN

Mario Philip Azzopardi

L-akkużi li Mario Philip Azzopardi hedded li juża’ l-konnessjonijiet politiċi tiegħu biex jimblokka l-aċċess għall-finanzjament pubbliku lill-artisti Maltin għandhom jiġu investigati fl-interess ta’ governanza tajba. Din l-imġieba tmur totalment kontra kull forma ta’ ‘best practice’ fi kwalunkwe pajjiż demokratiku tal-Punent.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn ingħad li bħala d-Direttur Artistiku għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura (Valletta 2018), hu mistenni li Mario Philip Azzopardi juri mġieba responsabbli. Il-Partit Nazzjonalista sostna li hi ħaġa inaċċettabli li Azzopardi jgib ruħu b’dan il-mod, speċjalment għax jidher bħala l-Ambaxxatur għall-V18 f’kull ħaġa li jagħmel.

Dan l-aġir imur ukoll kontra l-etika li jorbot miegħu it-titlu ta’ Belt Kapitali tal-Kultura. Qed isir dejjem aktar evidenti li Mario Philip Azzopardi m’għandux il-kapaċità li jaħdem b’mod li jirrifletti r-responsabbilità li għandu, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, il-problema tmur lil hinn minn sempliċement Mario Philip Azzopardi. Il-Partit Nazzjonalista kompla li dan kollu juri Fondazzjoni korrotta li hi kompletament inkompetenti, irresponsabbli u kkontrollata politikament, b’mod negattiv ħafna.

Il-Fondazzjoni keċċiet lil nies kompetenti bħal Wayne Marshall u l-Assistenti Diretturi tiegħu fuq bażi politika biex iddaħħlu alternattivi inkompetenti, imsejsa fuq patroċinju politiku u preferenzi personali.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li mhux sorprendenti li persuni li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi huma rrabjati għall-opportunitajiet mitlufa, riżultat ta’ nuqqas ta’ esperjenza artistika, kif ukoll nuqqas ta’ viżjoni u sostenibbiltà għad-detriment ta’ miljuni minfuqa għalxejn miġbura minn flus il-poplu.