Il-Mexxejja tal-UE, għadhom qed jikkunsidraw ftehim dwar il-pakkett ta’ riformi li jinkwadra fin-negozjati tar-Renju Unit biex ikompli bħala membru tal-Unjoni. Id-diskussjonijiet qed iġebbdu fi-tul fi Brussell u jidher li fadal ammont ta’ diżgwid mhux ħazin dwar numru ta’ punti.
Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron kien involut f’numru ta’ taħditiet fi Brussell waqt is-summit tal-UE, li beda nhar il-Ħamis u fejn, fl-aħħar sigħat, hu iddiskuta punti importanti għal ftehim potenzjali flimkien mal-Mexxejja tar-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u l-Olanda. Intant, kien għad hemm id-differenzi u elementi ta’ dubju qawwija li jċajpru l-potenzjal ta’ ftehim sodisfaċenti għall-partijiet kollha.
Numru ta’ pajjiżi żammew iebes għall-pjani proposti minn Cameron għat-trażżin ta’ benefiċċji għall-immigranti u biex jinbidlu regolamenti tal-UE. Għaldaqstant ma kienx eskluż li t-taħditiet fi Brussell jistgħu, fil-fatt, ikomplu għaddejjin sa għada waqt li l-mexxejja jindirizzaw l-intoppi.
David Cameron qed jistinka lejn ftehim għal termini aktar favorevoli għar-Renju Unit bħala pajjiż tal-UE. Il-ftehim hu partikolarment importanti għall-ambizzjonijiet ta’ Cameron biex jippersisti bi pjan għal referendum li jiddeċiedi jekk ir-Renju Unit ikomplix bħala membru tal-Unjoni Ewropea jew le.
Hu ttamat li r-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit isir f’Ġunju f’każ li Cameron jikseb il-ftehim li jrid. Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, aktar qabel, irrefera għall-progress fit-taħditiet ta’ Brussell; iżda hu għamilha ċara wkoll li kien għad fadal ħafna xi jsir. Tkellmet ukoll il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, li qalet li kien hemm rieda tajba minn kulħadd anki jekk deher ċar li ftehim ma kienx se jkun faċli.
Il-pjan ta’ Cameron kien li jirritorna f’Londra bi ftehim milħuq mal-Mexxejja Ewropej, u fejn kellu jlaqqa’ l-Kabinett b’urġenza. F’dan il-każ hu kien qed jaħseb biex jimpenja lill-Gvern Britanniku biex imexxi kampanja favur is-sħubija tar-Renju Unit f’UE li timplimenta r-riformi mixtieqa.
Il-proċess kellu jfisser ukoll il-bidu ta’ kampanja għar-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit u biex jgħidu tagħhom il-Ministri Britanniċi li jridu li pajjiżhom joħroġ mill-UE. Iżda Cameron, ftit tal-ħin ilu, qal li l-laqgħa tal-Kabinett Britanniku ma kenitx se ssir filwaqt li sostna li din il-laqgħa ssir, ‘jekk u ladarba jaslu fi ftehim’.
//= $special ?>