Aktar ħaddiema ta’ Leisure Clothing qed jixhdu fil-Qorti dwar il-kundizzjonijiet li kienu jsibu ma’ wiċċhom fil-fabbrika ta’ Bulebel. Issa kien imiss lil Thi Thu Tran, ħaddiema Vjetnamita ta’ 28 sena, li bħall-kollegi tagħha qalet li f’pajjiżha kienet imwegħda mod, iżda f’pajjiżna sabet totalment bil-kontra.
F’dan il-każ, quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, iż-żagħżugħa qalet li kisbet ix-xogħol ma’ Leisure Clothing grazzi għal aġenzija tal-impjiegi fil-Vjetnam, minfejn kienet imwegħda impjieg li jħallas €685 fix-xahar għal 48 siegħa fil-ġimgħa u b’kundizzjonijiet ta’ ħajja tajba.
Hi kienet qed tixhed fil-każ kontra ż-żewġ Diretturi ta’ Leisure Clothing Bin Han, ta’ 46 sena minn San Ġwann, u Liu Jia, ta’ 31 sena minn Birżebbuġa. Huma qed jiġu akkużati bi traffikar ta’ persuni u esplojtazzjoni ta’ persuni Ċiniżi u Vjetnamiti fil-ħidma tagħhom għall-kumpanija.
Iż-żagħżugħa Vjetnamita kompliet tispjega li madankollu, meta ngħatat it-tieni kuntratt, innutat differenzi qawwija fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. B’mod partikolari, irrealizzat li l-paga niżlet għal €140 fix-xahar, filwaqt li kellha żidiet konsiderevoli fin-numru ta’ sigħat.
Biex tuża’ s-servizzi tal-aġenzija tal-impjiegi, iż-żagħżugħa ħallset b’kollox aktar minn €2,800. Meta mistoqsija fil-Qorti, hi qalet li xorta ffirmat id-dokumenti minħabba li beżgħet li se titlef dawk il-flus kollha, li jammontaw għal madwar sentejn u nofs paga fil-Vjetnam.
Fix-xhieda tagħha, iż-żagħżugħa spjegat li appena waslet f’pajjiżna ssekwestrawlha l-Passaport u kienet tinżamm taħdem għal 14-il siegħa kuljum b’paga ta’ €150 kull xahrejn. Barra minhekk, hi kienet ġiet mhedda li tintbagħat lura lejn il-Vjetnam jekk tgħid xi ħaġa dwar il-kundizzjonijiet li kienet qed taħdem fihom.
Fost kundizzjonijiet ħżiena oħra, iż-żagħżugħa spjegat fil-Qorti kif darba ntalbet tħallas l-ispiża medika ta’ €22 lit-Tabib wara li ma avżatx lill-kumpanija minn jumejn qabel li kienet se tieħu s-sick leave. Hi qed titlob €15,000 f’danni li jkopru t-tmien xhur li għamlet taħdem ma’ Leisure Clothing.
Sadanittant, il-Qorti aċċettat it-talba tad-Difiża biex jinbidlu wħud mill-kundizzjonijiet għal-libertà proviżorja taż-żewġ akkużati. Issa l-Qorti laqgħet it-talba biex jibdew jiffirmaw fl-Għassa darba fil-ġimgħa minflok erba’ darbiet fil-ġimgħa.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Joseph Busuttil, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Pio Valletta qed jidhru għall-akkużati. L-Avukati Karl Briffa, Katrine Camilleri u Michael Camilleri qed jidhru bħala parte ċivile għall-impjegati.
//= $special ?>