Ajruplani militari tal-Istati Uniti attakkaw militanti tal-ISIS f’zoni lejn il-Punent tal-Libja, u fejn ingħad li nqatlu għexieren ta’ nies.
L-aħħar rapporti qalu li l-attakki laqtu kamp għal taħriġ ta’ terroristi f’Sabratha u hemm probabbiltà li, f’din l-azzjoni, inqatel kap ewlieni tal-ISIS ta’ nisel Tuneżin.
Il-kap terrorista inkwistjoni, Noureddine Chouchane, hu marbut sew ma’ żewġ attakki li seħħew is-sena l-oħra fit-Tuneżija. Wieħed minn dawk l-attakki kien seħħ matul is-sajf fir-resort ta’ Sousse fejn terrorista kien qatel għexieren ta’ turisti Britanniċi.
Mifhum li l-attakk f’Sousse u attakk ieħor fuq il-Mużew ta’ Bardo, f’Tunis, kienu twettqu minn aggressuri li ngħataw taħriġ fil-Libja. Kelliema għall-ISIS, aktar tard, kienu assumew responsabbiltà għaż-żewġ azzjonijiet qattiela.
Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ kapijiet u ġellieda tal-ISIS telqu mill-Iraq u s-Sirja biex jikkonsolidaw fortizza ġdida fl-artijiet tal-Libja.
L-Istati Uniti tikkalkula li, fil-preżent, hemm sa 6,000 ġellieda tal-ISIS f’numru ta’ zoni Libjani, b’mod partikolari Sirte. Dan meta l-Libja għadha mgħarrqa fil-kaos, snin wara li ( fl-2011) spiċċa r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi.
Is-Sindku ta’ Sabratha qal li l-ajruplani Amerikani laqtu almenu bini f’dawk l-inħawi waqt ir-rejd. Hu sostna li x’aktarx li mietu almenu 40 persuna u li l-maġġoranza tal-maqtula huma ‘Tuneżini’.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ash Carter, kien tenna, jiem ilu, li l-Istati Uniti għandha tkompli tattakka militanti u terroristi fil-Libja. Dan meta l-Amerikani jżommu d-dritt li jwettqu l-azzjonijiet b’mod unilaterali.
//= $special ?>