Il-biljunarju Amerikan Donald Trump, li qed jittama li jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan, faħħar ħafna lill-Papa Franġisku, sigħat wara li l-Kap tal-Kattoliċi kien ‘iddubita’ l-valuri Kristjani tal-istess Trump.
Il-Papa, li għadu kemm ikkonkluda żjara fil-Messiku, kien qal li ‘l-proposta ta’ Trump għall-bini ta’ ħajt mal-fruntiera Amerikana mal-Messiku ma kenitx imnebbħa minn xi spirtu Kristjan’; b’dan il-kumment iqanqal ir-rabja tal-biljunarju.
Iżda sigħat wara, Trump deher f’burdata aktar konċiljatorja waqt avveniment politiku fl-Istat ta’ South Carolina u għamilha ċara li ‘ma jaħsibx li hu kien involut f’xi ġlieda jew tilwima mal-Papa’. Donald Trump kompla jgħid li ‘għandu rispett kbir lejn il-Papa li għandu enerġija u personalità kbira u li qed jagħmel xogħlu tajjeb ħafna’.
Il-votanti Repubblikani f’South Carolina għandhom jikkonfermaw, fi kwistjoni ta’ ġranet, l-għażla tal-kandidat favorit (tal-partit) li jriduh jikkuntesta għall-White House. L-indikazzjonijiet huma li Trump jinsab fuq quddiem fl-istħarriġ popolari mill-Istat.
//= $special ?>