Lokali

‘Dream City’ proġett mill-KSU dwar il-ħolqien ta’ inizjattivi miż-żgħażagħ

Il-programm għall-promozzjoni ta’ inizzjattivi miż-żgħażagħ, ‘Dream City’ organizzat mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), wasal fi tmiemu llum. B’kollox ġew diskussi total ta’ ħames temi li fihom l-istudenti Universitarji kellhom l-opportunita’ li jesprimu l-oppinjoni tagħhom fir-rigward ta’ diversi suġġetti, fosthom l-ambjent, l-edukazzjoni, l-ekonomija u l-kultura.

It-tema li ġiet diskussa fl-aħħar laqgħa li saret illum, kienet tirrigwarda l-attivita’ fil-politika miż-żgħażagħ, u kif huma jistgħu ikunu ta’ kontribut fis-soċjeta’ bit-talenti u l-ideat innovattivi tagħhom. Fid-diskussjoni, ġie enfasizzat li ż-żgħażagħ mhux biss huma l-futur, iżda huma anke l-preżent, idea li xi kultant fis-soċjeta’ tagħna mhux dejjem tiġi milquha.

Għal din il-laqgħa kienu mistiedna diversi kelliema, fosthom l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, flimkien mal-President tal-fergħa Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Mark Grech, u rappreżentant tal-fergħa żgħażugħa Laburista FŻL Glenn Micallef. F’isem l-għaqdiet studenteski politiċi tkellmu l-President tal-SDM Ian Zahra u rappreżentanta għall-Pulse Fleur Abela.