L-ebda tweġiba mill-Ministru Edward Zammit Lewis dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta. Il-Ministru tat-Turiżmu kien mistoqsi waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha kien varat proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdil fil-Liġijiet li jirregolaw it-turiżmu.
Filwaqt li kkonferma l-istorja ppubblikata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times, li t-taħdidiet dwar il-Ftehim Kollettiv tal-ħaddiema tal-Air Malta mhux se jkunu konklużi sal-aħħar tax-xahar, Zammit Lewis ikkonferma indirettament li l-Gvern għadu ma wasalx fit-tfittxija tiegħu għal sieħeb strateġiku dwar l-Air Malta.
Mistoqsi dwar dan, u jekk it-taħdidiet mal-Etihad għadhomx għaddejjin jew le, il-Ministru wieġeb li fl-ebda ħin u fl-ebda komunikazzjoni tiegħu ma semma l-linja tal-ajru Etihad. L-istess mistoqsijiet saru mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo fil-Parlament, li aktar kmieni din il-ġimgħa qal li l-Gvern għandu jikkonferma jew jiċħad jekk in-negozjati mal-Etihad għadhomx għaddejjin.
B’hekk biss, jinqatgħu x-xnigħat u kulħadd ikun jaf fejn sejrin.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ingħataw dettalji dwar il-bidliet leġislattivi għal-Liġijiet li jirregolaw il-qasam tat-Turiżmu. Ir-riformi jinkludu bidla mill-qigħ tal-Liġi Prinċipali, li hi l-Att dwar is-Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta, kif ukoll il-Liġijiet sussidjarji tagħha, li minn 17 jinżlu għal tlieta.
Fl-istess waqt, dawn jinkludu wkoll regolamentazzjoni fuq setturi u stabbilimenti ġodda, bħalma huma l-gentlemen’s clubs.
//= $special ?>