Tlieta mill-erba’ ġurnali taw prominenza lill-aħbar tal-Pollakk Kajetan Poznanski li tressaq quddiem il-Qorti ilbieraħ wara li kien arrestat mill-Pulizija fil-Belt Valletta. Poznanski kien imfittex b’mandat ta’ arrest ewropew meta ħarab mill-Polonja wara li iktar kmieni dan ix-xahar qatel b’mod makabru l-għalliema tiegħu tat-Taljan. Hu mistenni jkun estradit lejn il-Polonja fi żmien għaxart’ijiem.
IN-NAZZJON, minbarra li jippubblika ritratt ta’ Poznanski qabel tressaq il-Qorti, jiddedika l-ewwel faċċata tiegħu għal konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista dwar is-servizzi soċjali li matulha intqal li Muscat lil min irid itih ħafna iżda għalik hemm biss il-ftit.
TIMES OF MALTA jirrapporta dwar is-sitwazzjoni inċerta fl-Air Malta fi storja bit-titlu “l-Ħaddiema tal-Air Malta fil-għama dwar il-ġejjieni tagħhom.”
THE MALTA INDEPENDENT jirrapporta dwar l-ispekulazzjoni dwar min se jkun ir-rettur il-ġdid tal-Universita’ ta’ Malta hekk kif qed ifeġġu xnigħat li l-Professur Peter G Xuereb, li hu l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ewropea u Komparattiva fil-Fakulta’ tal-Liġi, jista’ jkun is-suċċessur tal-Professur Juanito Camilleri
L-ORIZZONT, b’differenza mal-ġurnali l-oħrajn, ma jpoġġix l-istorja tal-qabda ta’ Kajetan Poznanski fl-ewwel faċċata tiegħu iżda jiddedikaha għal ritratt tal-inċident fl-iskola San Anton fejn ċeda ħajt u storja dwar il-virus Zika li fiha jiġi rappurtat li l-virus zika mhux mistenni jaffettwa l-atleti Maltin li se jieħdu sehem fl-Olimpijadi ta’ Rio de Janeiro fil-Brazil matul is-Sajf li ġej.
//= $special ?>