Il-Front Ħarsien ODZ, fi stqarrija, qal li l-pjanijiet tal-Gvern għall-Park Nazzjonali li jrid jagħmel fiż-Żonqor irid isir fil-kuntest tal-art pubblika u skont il-valur ekoloġiku tal-art li se tintilef minħabba l-proġett li la hu Amerikan u lanqas Università li jridu jagħmlu l-Ġordaniżi. Dan hu każ tipiku fejn isir pass ‘il quddiem u tnejn lura.
Fl-istqarrija, il-Front kompla li l-art trasferita lil Sadeen Group kienet identifikata bħala parti mill-Park Nazzjonali tal-Pjan Lokali tal-2006. Talli qed jippermeti tali żvilupp fiż-Żonqor, il-Gvern se jkun qed jissagrifika 18,000 metru kwardu ta’ art li, skont ir-regolamenti preżenti tal-ippjanar, ma tistax tkun żviluppata.
Filwaqt li l-Front Ħarsien ODZ jilqa’ kull pjan biex fiż-Żonqor isir Park Nazzjonali qed juri d-diżappunt tiegħu li ż-Żonqor se jinbidel f’sit ta’ kostruzzjoni. Għaldaqstant, il-Front se jkompli joġġezzjona għall-bini li jrid jagħmel il-grupp Sadeen fiż-Żonqor, meta art pubblika u ODZ se tkun issagrifikata għall-investituri Ġordaniżi.
L-istqarrija ttemm tgħid li ma jagħmilx sens li l-Gvern jagħmel sit ta’ kostruzzjoni viċin Park Naturali.