Tliet snin mill-elezzjoni ġenerali, il-poplu Malti u Għawdxi qed jinduna li dan il-Gvern Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, hu wieħed inkompetenti.
Dan joħroġ minn diversi eżempji, fosthom iż-żieda fit-traffiku, il-ħatriet anti-Kostituzzjonali tal-Maġistrati, il-falliment fit-trasport pubbliku, kif ukoll il-bini tal-Power Station il-ġdida li għadha ma tlestietx minkejja li kellha tibda titħaddem sena ilu. Madanakollu, l-akbar simbolu tal-inkompetenza tal-Gvern Laburista hu t-telf ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, fost l-oħrajn fil-proġetti tal-Coast Road u taċ-Ċittadella.
Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Triq il-Kosta, li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.
Dwar ta’ Triq il-Kosta, Roberta Metsola sostniet li f’dan il-proġett, il-poplu Malti u Għawdxi tilef €11 miljun minn fondi tal-Unjoni Ewropea u għal dan it-telf se jkollu jagħmel tajjeb il-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn billi jħallas aktar għall-petrol u d-diesel.
Fakkret ukoll li l-Gvern ma kellux il-kuraġġ politiku u ma kellux il-fibra morali li jiġi quddiem il-poplu biex jagħti rendikont ta’ dak li għamel ħażin u li sar ħażin tort tiegħu. Minflok, il-Gvern żerżaq ftit informazzjoni baxx baxx lix-Xandir tal-Istat biex il-ġurnalisti ta’ media indipendenti u l-Partit Nazzjonalista ma jistaqsux mistoqsijiet, sostniet Metsola.
Ix-Shadow Minister qalet li f’temp ta’ 24 siegħa, il-Gvern ta tliet verżjonijiet differenti:
1. Li l-€11 miljun mitlufa se jintużaw għall-proġetti ambjentali u edukattivi;
2. Li se jintużaw għal toroq oħra;
3. Reġà dawwar il-verżjoni u qal li mhux se jintużaw għat-toroq, iżda fl-Ambjent u l-Edukazzjoni.
Roberta Metsola fakkret li l-inkompetenza u l-korruzzjoni tal-Gvern wasslu biex f’temp ta’ ftit jiem, ġie mċanfar fuq oqsma differenti: mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, mill-Ombudsman, mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u anke mill-Awditur Ġenerali. Fl-istess waqt, irreferiet ukoll għal mistoqsijiet li hemm dwar il-possibbiltà ta’ telf ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Chris Said spjega fid-dettall kif bl-inkompetenza tiegħu, il-Gvern tilef il-fondi mill-proġett taċ-Ċittadella, f’konferma kemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea Ian Borg ma qalux il-verità meta fil-Parlament u mal-gazzetti sostnew li mhux veru ntilfu l-fondi Ewropej.
Fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 12,613, il-Ministru Refalo qal li l-proġett taċ-Ċittadella se jitlesta sa Ġunju 2015 (7 xhur ilu) u li l-valur tal-proġett hu ta’ €14.5 miljun, li 85% minnu (€12.5 miljun) se jkunu ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan ix-xogħol sal-lum għadu mhux lest. Chris Said spjega kif il-fatt li x-xogħol ma tlestiex fil-ħin fisser li se jkunu ntilfu €2 miljuni mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, bil-Ministru Anton Refalo stess jammetti dan.
Fil-fatt, fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 221,119, Anton Refalo kkonferma li sal-aħħar tal-2015 intefqu €10.5 miljun fuq il-proġett taċ-Ċittadella, li jammontaw għal 90.3% tal-fondi allokati. B’hekk, b’ammissjoni tal-Ministru stess, intilfu kważi €2 miljun, la ntużaw biss €10.5 miljun. Sostna li anke Ian Borg, fl-artiklu fuq il-gazzetta tal-GWU tal-Ħadd li għadda kkonferma li ntużaw biss €10.5 miljun mill-fondi Ewropej. B’hekk, kull koppja Għawdxija kellha toħroġ €120 żejda għal dan il-proġett.
Ix-Shadow Minister fakkar li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien lesta ‘masterplan’ sħiħ għaċ-Ċittadella, filwaqt li kien lesta r-rinfurzar u r-restawr tas-swar taċ-Ċittadella, li għalihom intużaw fondi tal-Unjoni Ewropea u ma ntilef l-ebda ċenteżmu minnhom.
//= $special ?>