Il-problema vera fis-servizz tat-trasport pubbliku hi l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ppjanar, kif ukoll l-indħil … u mhux sew li l-ħaddiema jiġu akkużati b’sabutaġġ.
Hekk iddikjara l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella meta kien wieħed mill-mistednin fil-programm “Mhux għax Jimpurtani” ta’ din il-ġimgħa fuq NET Television. Hu kien qed jirreaġixxi għall-allegazzjoni li għamel il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi meta qal li numru ta’ ħaddiema fit-trasport pubbliku qed jissabotaw is-servizz.
Josef Vella qal li fi żmien l-Arriva, il-Gvern kien jeħel għan-nuqqasijiet fis-servizz. Madankollu, illum l-Gvern ma jħossu li hu responsabbli ta’ xejn għax issa qed jitfa’ r-responsabbiltà fuq ix-xufiera li, skont Joe Mizzi, qed ixekklu. Iżda dan mhux ġust.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers staqsa lil Joe Mizzi min kien għamel is-sabotaġġ lill-ħaddiema meta ma ħallihomx jingħaqdu mal-union tal-għażla tagħhom għal kważi tliet snin sħaħ. Staqsa wkoll safejn tasal it-tmexxija tal-Autobuses de Leon u safejn tasal it-tmexxija tal-awtoritajiet tal-Gvern … għax mhux faċli taqbad fejn jibda wieħed u fejn jibda l-ieħor.
“Mhux billi titfa’ l-akkuża fuq il-ħaddiema”, appella Josef Vella lill-Ministru Mizzi, filwaqt li sejjaħ din l-attitudni minn Joe Mizzi bħala “viljekkerija”.
Fil-programm kien hemm mistiedna wkoll ix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli, li kkummentat dwar il-ftehim li l-Ministru Joe Mizzi qiegħed fil-jiem li għaddew fuq il-Mejda tal-Kamra. Hi nnotat li l-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija Spanjola ma jinċentivax lill-kumpanija biex ittejjeb għax jekk tagħmel xi ħaġa ħażina, qatt ma tiġi penalizzata.
//= $special ?>