Internazzjonali

L-ISIS qed juża aktar ‘tfal suldati’ skont rapport Amerikan

Rapport li għadu kemm ħareġ tenna li l-ammont tat-tfal li mietu huma u jiġġieldu għall-kawża tal-ISIS fl-aħħar sena hu kważi d-doppju tal-istima preċedenti.

Riċerkaturi fl-Università ta’ Georgia, fl-Istati Uniti, ilhom l-aħħar tlettax il-xahar isegwu l-propaganda u d-diskorsi tal-ISIS, fejn spikkaw messaġġi li ‘talanqas 89 subien, b’etajiet ivarjaw minn tmien snin sa tmintax il-sena, spiċċaw maqtula huma u jaqdu diversi kapaċitajiet taħt ċirkostanzi ta’ battalja’.

Ir-riċerkaturi sabu wkoll li kien hemm ‘daqs tliet darbiet aktar tfal’ involuti f’azzjonijiet tal-ISIS milli kien il-każ fl-2014.

Id-data pubblikata mill-Combating Terrorism Center tal-militar Amerikan f’West Point tissuġġerixxi li bejn Jannar tal-2015 u Jannar tal-2016, xi 39 fil-mija tas-‘subien tal-ISIS’ inqatlu waqt splużjonijiet ta’ vetturi, f’missjonijiet suwiċida. Ingħad ukoll li 33 fil-mija oħra ‘ta’ dawn is-subien’ tilfu ħajjithom huma u jieħdu sehem f’battalji.

Min-naħa tiegħu, Charlie Winter, li hu wieħed mill-ko-awturi tar-rapport, hu kważi ċert li ‘mietu ħafna aktar subien tal-ISIS’, meta l-informazzjoni pprovduta s’issa ‘hi biss dak li ħareġ l-ISIS f’din l-aħħar sena’.

Għalkemm l-ISIS ma pprovdiex l-ismijiet proprja u d-dettalji biografiċi tas-‘subien suldati’ maqtula, ir-riċerkaturi setgħu jikkalkulaw l-etajiet u n-nazzjonalità tal-mejtin.

Ir-rapport anki xeħet ftit tad-dawl fuq il-moviment tat-tfal ‘tal-ISIS’ bejn l-Iraq u s-Sirja, li għandhom l-akbar preżenza ta’ ġellieda ta’ dan il-grupp terroristiku.

Aktar min-nofs tal-imwiet li jinvolvu s-suldati tfal tal-ISIS seħħew fl-Iraq, iżda ħafna mill-maqtula huma Sirjani. Dan jissuġġerixxi li l-ISIS kapaċi jħarreġ lit-tfal biex jiġġieldu għall-kawża tiegħu fis-Sirja, imbagħad ‘jistazzjonahom’ fl-artijiet tal-Iraq.

Tfal suldati oħra tal-ISIS li mietu waqt battalji jew f’azzjonjiet suwiċida kienu ġejjin mill-Jemen, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Libja. Kien hemm ukoll numru ta’ tfal terroristi ( illum mejtin) li kienu ġejjin mir-Renju Unit, Franza, l-Awstralja u n-Niġerja.

Ir-riċerka anki tissuġġerixxi li l-ISIS qed juża lit-tfal biex jieħdu sehem f’azzjonijiet ‘spalla ma’ spalla’ mal-adulti, aktar milli għal missjonijiet speċjali terroristiċi.