L-Unjoni Ewropea u t-Turkija, ix-xahar id-dieħel jiltaqgħu għal summit speċjali bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi tal-immigrazzjoni.
Dan qalu l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk waqt is-summit tal-UE attwali fi Brussell u fejn spjega li l-pjan għal azzjoni konġunta mat-Turkija qed jingħata kull prijorità. Il-Mexxejja tal-UE fi Brussell anki opponew, unanimament, għal azzjonijiet unilaterali min-naħa ta’ Stati membri, wara li l-Awstrija sostniet li qed tillimita l-ammont ta’ talbiet għall-kenn politiku li qed isirulha minn ġurnata għal oħra.
Fil-fatt, daħlet fis-seħħ diġà l-limitazzjoni tal-Awstrija għall-immigranti u r-refuġjati f’artha. Mifhum li, kuljum, mhumiex se jkunu aċċettati aktar minn 80 talba għall-kenn politiku mal-fruntiera tal-Awstrija lejn in-Nofsinhar.
Sadanittant, il-Kummissarju tal-UE għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos fisser il-miżura tal-Awstrija bħala ‘inkompatibbli’ mal-liġi tal-UE u informa, permezz ta’ ittra, lill-Ministeru tal-Intern Awstrijak li l-miżura (tal-Awstrija) ma żżommx mal-obbligi tagħha taħt il-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ukoll ikkritika l-pass mill-Awstrija u qal li, “Mhumiex irrakkomandati azzjonijiet minn pajjiżi fuq bażi individwali.”
//= $special ?>