Qorti

Mara teħel 18-il xhar ħabs wara li rreżistiet l-arrest u li ħolqot inkwiet mhux neċċessarju

Prostituta ta’ 25 sena minn Birkirkara ġiet ikkundannata għal 12-il xahar ħabs wara li ammetiet li rreżistiet l-arrest bi vjolenza.

Il-mara ġiet akkużata wkoll bi tlajjar bil-ħsieb ta’ prostituzzjoni, li heddet u offendiet uffiċjal, li kissret il-paċi pubblika, li użat lingwa offensiva, li m’obdietx l-ordni tal-pulizija, li wettqet reat waqt perjodu ta’ sentenza u li kisret il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti fuq każ separat.

L-uffiċjal Prosekutur John Spiteri qal li l-mara rreżistiet l-arrest.

L-avukat difensur Yanika Bugeja talbet lill-Qorti biex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi li tinsab fihom il-mara u filwaqt li ma skużatx l-imġieba tagħha, hija qalet wkoll li l-vjolenza ma kienitx gravi daqskemm pinġewha hekk kif il-vjolenza użata kienet limitata għal daqqa ta’ sieq.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qal lill-akużata rreżistiet l-arrest u li ħolqot inkwiet mhux neċċessarju, ma kienitx tieħu sentenza daqshekk ħarxa. Farrugia qal li hi għadha żgħira biex tmur il-ħabs u għandha tfittex xi forma t’għajnuna biex ittejjeb is-sitwazzjoni li hi qegħda fiha.

Hija ġiet ikkundannata għal 12-il xahar ħabs u magħhom daħlu fis-seħħ sitt xhur ħabs oħra ta’ sentenza sospiża. Hija ġiet immultata wkoll 4 t’elef ewro.