Il-Malta Football Association flimkien mal-Youth Football Association waslu fi ftehim mal-kumpanija McDonalds biex jibdew programm edukattiv għat-tliet snin li ġejjin bl-isem ta’ ‘The McDonalds Football Plus for Kids’.
F’konferenza stampa li saret illum fis-Centenary Hall ġewwa s-Centenary Stadium, il-Kap tat-Taqsima tal-Marketing tal-MFA Norman Saliba qal li madwar seba’ xhur ilu, il-UEFA għażlet lill-MFA biex tibda proġett pilota.
Saliba qal li l-MFA se tkompli tiġġieled biex iżżomm il-futbol bħala l-akbar sport favorit u l-assoċjazzjoni ħarġet b’viżjoni sal-2020. Parti mill-viżjoni hi l-Educational Football Programme li l-MFA waslet fi ftehim mal-kumpanija McDonalds biex tgħin f’dan il-proġett.
Is-Segretarju tal-YFA Joe Micallef semma l-U11 Events li jinkludu ħames attivitajiet bejn Frar u Mejju li se jinvolvu madwar 1,000 tifel u tifla, bl-ewwel avveniment ikun il-Ħadd li ġej ġewwa l-Imġarr. L-avvenimenti l-oħra se jiġu organizzati minn Żebbuġ, Dingli, Marsaxlokk u Ħamrun.
Micallef qal li bl-għajnuna ta’ McDonalds, għandhom garanzija ta’ proġett għal tliet snin li se jgħin lill-assoċjazzjoni biex ikunu jistgħu jimxu bil-mira tagħhom biex jagħmlu dawn l-avvenimenti b’laqta edukattiva u kulturali possibli.
Cynthia Caruana Marketing Manager ta’ McDonalds qalet li l-kumpanija temmen li l-proġett ‘Football Plus for Kids’ hu ta’ investiment u se jinkorpora fih il-kampanja tal-McDonalds Player Escort fejn żewġt it-tfal ta’ bejn is-6 u l-10 snin se jingħataw ċans li jmorru għal esperjenza mill-isbaħ f’Pariġi għal EURO 2016 f’Lyon u l-finali ta’ Pariġi.
//= $special ?>