Lokali

Mill-inqas sagħtejn u nofs biex tinqeda minn Transport Malta

Biex tinqeda’ mill-uffiċċji ta’ Transport Malta fil-Furjana trid tistenna fi kju ta’ mill-inqas mitt persuna għal mill-inqas sagħtejn u nofs. Dan joħroġ biċ-ċar saħansitra mill-biljett li wieħed jieħu biex jistenna fil-kju, u li jidher fir-ritratt.

F’dawn l-uffiċċji wieħed imur biex jagħmel reġistrazzjoni u l-liċenzji tas-sewwieqa, trasferiment u konverżjoni tal-karozzi, karozzi li se jiġu ggaraxxjati jew scrapped, ċerifikazzjoni kif ukoll affarijiet relatati mal-pjanċi tar-reġistrazzjoni fost l-oħrajn.

Il-problema qed tinħoloq minħabba konċentrazzjoni ta’ servizzi li qed jiġu offruti mill-istess post. Is-sitwazzjoni tiggrava lejn l-aħħar tax-xahar minħabba l-iscrappage scheme li wieħed irid jinqeda għaliha mill-istess uffiċċji.

Dan qed iwassal biex madwar sitt ħaddiema li jaqdu lin-nies mhux ilaħħqu mad-domanda.

Barra minn hekk, minkejja ħin ta’ stennija hekk twil, f’dawn l-uffiċċji m’hemmx latrini pubbliċi u min jaqbdu l-bżonn ikollu jmur jittallab għal ċavetta ta’ toilets li jinsabu ftit bogħod.