Rabja fost numru kbir ta’ Għawdxin li joqgħodu u li jiffrekwentaw Marsalforn wara l-għaġla tal-Gvern li jneħħi waħda mill-karreġġjati fuq il-pont li jgħaqqad il-Menqa max-Xatt biex tinqeda persuna waħda.
L-Erbgħa li għadda, NETnews.com.mt irrapporta li f’dawn il-jiem għaddejjin xogħolijiet biex parti mit-triq tinbidel f’bankina wiesgħa ħalli l-persuna li se tkun akkomodata mill-Gvern tingħata aktar spazju għall-imwejjed u s-siġġijiet.
Wara li ppubblikajna dik l-istorja, dalgħodu, il-Ħaddiema tal-Gvern intbagħtu malajr fil-post biex iħaffu kemm jista’ jkun il-proċess u l-każ ifittex jingħalaq.
Madankollu, il-persuni li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qed igergru mill-fatt li dawn ix-xogħolijiet se jaġevolaw persuna waħda u jbatu minnha ħafna aktar nies.
Il-persuni li tkellmu magħna staqsew xi pressjoni din il-persuna setgħet għamlet fil-Ministeru għal Għawdex biex irnexxielha tingħata daqstant attenzjoni u x-xogħolijiet isiru b’pass daqstant mgħaġġel.
Sadanittant, fi stqarrija biex iwieġeb iż-żewġ stejjer, il-Ministeru għal li jixtieq jikkjarifika li x-xogħolijiet li qegħdin isiru f’Marsalforn ġew approvati b’DN00519/15 fil-11 ta’ Ġunju 2015 u huma parti minn masterplan li għandha l-approvazzjoni tal-MEPA, Lands Department u ta’ Transport Malta. Il-Ministeru qal li kien diġa’ kiseb permess fl-2011 u sussegwentament fl-2012. Qal li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, li fl-2011 u 2012 kien involut sew fl-amministrazzjoni tal-pajjiż, dak iż-żmien qatt ma pprotesta għal dan il-proġett tat-twessiegħ tat-triq.
Il-Ministeru qal li fuq l-istess bankina li twessgħet, ser isiru wkoll 2 bankijiet kbar sabiex jiġu akkomodati n-nies li ta’ kuljum iżuru Marsalforn u li l-karreġġjata li ngħalqet ilha magħluqa bis-saħħa ta’ dan il-masterplan approvat u għaldaqstant mhux se jkun hemm tibdil għat-traffiku.
Il-Ministeru temm jiftaħar li r-riżultat finali tal-politika tal-Gvern għall-gżira Għawdxija huwa li minn tkabbir ekonomiku ta’ 1.8%, illum il-familji u n-negozji Għawdxin qed igawdu minn tkabbir ekonomiku ta’ 8.1%.
//= $special ?>