Lokali

Se tkun estiża l-iskema biex tirregolarizza vetturi ggaraxxjati

Transport Malta qed testendi l-iskema biex tirregolarizza vetturi dikjarati bħala ggaraxxjati iżda li ġew skrepjati jew mormija mingħajr ma ġiet infurmata l-awtorita’. L-iskema kienet tapplika sal-aħħar ta’ Frar iżda issa qed tiġi estiża sal-aħħar ta’ Ġunju 2016.

F’Jannar 2,519 il-vettura ġew skreppjati kumparat mat-349 vettura skreppjata fl-istess xahar is-sena l-oħra. Sal-lum, 2,776 vettura ġew skreppjata fi Frar meta mqabbla ma’ 329 fi-Frar tas-sena l-oħra.

Mill-1 ta’ Novembru 2013, l-iskrepjar jew dereġistrazzjoni ta’ vetturi huwa permess biss jekk is-sid jipprovdi ċertifikat ta’ distruzzjoni maħruġ minn faċilita’ awtorizzata. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma li l-vettura ġiet trasferita skont ir-regoli tal-immaniġġjar tal-iskart (End of Life Vehicles).

Vetturi dikjarati li huma ggaraxxjati iżda li ġew imneħħija qabel l-ewwel ta’ Novembru 2013 mingħajr ma l-awtorita’ ġiet infurmata, jistgħu jiġu dereġistrati mal-Awtorita’ permezz ta’ affidavit sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 2016. Jekk vettura ġiet imneħħija mingħajr ma ġiet awtorizzata wara l-ewwel ta’ Novembru 2013, trid titħallas miżata ta’ €100. Din il-konċezzjoni tapplika biss sal-aħħar ta’ Ġunju 2016.

Dawk li ma jiddisponux mill-vettura tagħhom f’faċilita’ awtorizzata wara l-ewwel ta’ Lulju 2016, se jħallsu miżata ta’ €500 biex ineħħu r-reġistrazzjoni tal-karozza tagħhom.

Għal iktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil Transport Malta bill ċċempel 8007 2393.